Edward Zammit, li sa ftit ilu kien iċ-Chief of Staff tal-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis, ingħata kariga għolja fl-Awtorità Maltija tat-Turiżmu mingħajr ebda sejħa pubblika.
Dan kien żvelat mill-gazzetta The Sunday Times fil-ħarġa tal-lum u sar magħruf wara li l-Kap Eżekuttiv tal-MTA Paul Bugeja bagħat ittra lill-istaff tal-Awtorità jgħarrafhom bil-ħatra ta’ Zammit bħala Events Operations Advisor.
The Sunday Times tkompli li l-Bord tad-Diretturi tal-MTA ma kienx infurmat b’din il-ħatra. Il-kariga ta’ Zammit hi ekwivalenti għal dik ta’ Senior Manager u tinkludi salarju ta’ madwar 50 elf ewro fis-sena.
Mistoqsi għaliex ma saritx sejħa pubblika għal din il-kariga, kif isir is-soltu biex jimtlew dawn il-karigi, kelliem għall-Ministeru tat-Turiżmu qal li ma kienx hemm ħtieġa ta’ sejħa pubblika għaliex il-kariga hi waħda ta’ fiduċja.
L-impjieg ta’ persuni taħt il-kriterju ta’ persuni ta’ fiduċja huma regolati mill-Uffiċċju tar-Riżorsi Umani tas-Servizz Pubbliku.
Ir-regolamenti jgħidu li l-Ministri jistgħu jingaġġaw nies fuq bażi ta’ persuna ta’ fiduċja. Dawn għandhom jingħataw kuntratt definit f’ċirkustanzi fejn l-esperjenza taghħhom jew in-natura tax-xogħol tagħhom hi waħda sensittiva. Nies impjegati bħala persuna ta’ fiduċja mhumiex eliġibbli li jsiru tal-post.
Ir-regolamenti jkomplu li, normalment, nies impjegati bħala persuni ta’ fiduċja jaħdmu direttament mal-Ministru jew is-Segretarju Parlamentari u jkunu ingaġġati b’dan il-mod minħabba l-ispecjalizzazzjoni tagħhom jew għaliex ma nstabitx persuna oħra wara li tkun saret sejħa għall-applikazzjonijiet.
Imkien ma jissemma l-impjieg ta’ persuni ta’ fiduċja fis-servizz pubbliku barra mis-segretarjati privati tal-Ministri, wisq inqas f’awtoritajiet li suppost huma awtonomi.
Dan mhux l-ewwel każ ta’ ħatriet diretti fl-MTA mingħajr proċess normali ta’ ghażla. Ftit wara l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, Michelle Buttigieg, is-sieħba fin-negozju ma’ mart il-Prim Ministru Joseph Muscat, inħatret direttament biex tmexxi l-uffiċċju tal-MTA fi New York. Sa issa, il-Ministeru tat-Turiżmu baqa’ jirrifjuta li jippubblika l-kuntratt ta’ Michelle Buttigieg.
//= $special ?>