Studju fl-Istati Uniti sab li kikkra kafè kuljum tista’ tbiegħed il-kanċer fil-ġilda. Erba’ kikkri kuljum, madankollu, jistgħu jipproteġu aktar kontra l-melanoma fl-istadju perikoluż tagħha.
Il-melanoma hi forma qerrieda tal-kanċer, li normalment tibda b’felula u hi tiżdied jekk wieħed iqatta’ ħafna ħin espost għar-raġġi tax-xemx.
Xjenzati mid-dipartiment dwar ir-riċerka tas-saħħa fi ħdan il-gvern Amerikan kellmu lil 450,000 raġel u mara f’perijodu ta’ għaxar snin.
Dawk li kkonkorrew kellhom ftit aktar minn 60 sena fil-bidu tal-istudju meta lkoll kienu ħielsa mill-melanoma. Fi tmiem l-istudju, kważi 3,000 persuna minnhom spiċċaw ibatu mill-kanċer fil-ġilda.
Dawk li xorbu l-kafè – 90 fil-mija tal-grupp – kienu inqas fir-riskju li jkollhom il-marda. Il-Journal of the National Cancer Institute stqarr li aktar ma dawn in-nies xorbu kafè, inqas kellhom iċ-ċans li jġarrbu l-melanoma.
Dawk li xorbu erba’ kikkri kafè kuljum kienu 20 fil-mija inqas li jbatu mill-marda minn dawk li qatt ma xorbu din ix-xarba sħuna.
Analiżi preċedenti wriet li l-kafeina tista’ twassal għall-qerda ta’ ċelloli meqruda mir-raġġi tax-xemx iżda ma jattakkawx iċ-ċelloli b’saħħithom.
L-analisti kkunsidraw fatturi li jistgħu jaffettwaw ir-riżultat, inkluż it-tipjip, il-konsum tal-alkoħol u kemm hu xemxi l-post fejn wieħed jgħix.
//= $special ?>