“Kulħadd huwa bravu li jraħħas il-prezz tal-petrol u d-diesel meta jorħos il-prezz internazzjonali taż-żejt.”
Dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet tad-delegati Laburisti waqt l-ewwel sessjoni tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista.
Iżda fl-istess nifs li għamel din id-dikjarazzjoni, Muscat qed jibqa’ jinsisti li jżomm l-ogħla prezz tal-petrol u d-diesel fl-Ewropa minkejja li l-prezz internazzjonali taż-żejt naqas bin-nofs.
Muscat saħansitra għażel li jinqeda bil-mewt tar-Re tal-Arabja Sawdija li seħħet ftit tal-jiem ilu u l-impatt li din kellha fuq il-prezz taż-żejt iżda Muscat naqas milli jgħid li, minkejja din il-mewt, il-prezz taż-żejt fil-bqija tal-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea baqa’ irħas.
Muscat wiegħed li hekk kif jagħlaq il-kuntratt tal-hedging se jkun qed iraħħas il-prezz tal-petrol u d-diesel u b’hekk saħħaħ is-suspett ta’ ħafna li l-gvern se jkun qed iħabbar roħs fil-prezz tal-petrol u d-diesel ftit jiem biss qabel l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali.
F’sessjoni fejn deher ċar li l-mistoqsijiet li saru kienu magħzula minn qabel, Muscat tkellem ukoll dwar il-kuntratt tal-Enemalta u reġa’ saħaq li l-Gvern ippubblika għadd kbir ta’ dokumenti b’rabta ma’ dan il-kuntratt.
Madankollu, Muscat inqeda b’gidba meta akkuża lill-Oppożizzjoni li ma ppubblikatx numru ta’ kuntratti kbar.
Hekk kif ninsabu fuq l-għatba tal-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali, Muscat għażel li jerġa’ jibda jilgħab il-karta tal-underdog u qal li f’dawn l-elezzjonijiet il-Partit Laburista jinsab minn taħt. Dan meta l-fatti kollha juru li mill-34 lokalità li fihom se jsiru l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali f’April li ġej, 20 huma mmexxija minn maġġoranza Laburista u 14 huma mmexxija minn maġġoranza Nazzjonalista.
//= $special ?>