L-Ambaxxata Ċiniża f’Malta irtirat iċ-ċittadinanza u l-passaport Ċiniż lil Bin Han – id-direttur maniġerjali tal-kumpanija Leisure Clothing li tinsab fiċ-ċentru ta’ skandlu ta’ sfruttament u traffikar ta’ persuni.
Żvelat dan il-gazzetta Il-Mument fil-ħarġa tal-lum. Storja miktuba minn Joe Mikallef tgħid li wara li fil-bidu ta’ dan l-iskandlu, l-Ambaxxata Ċiniza f’Malta ppruvat tagħti protezzjoni u taqbeż għal Bin Han, l-uffiċjali għolja fl-Ambaxxata ħaslu idejhom minnu.
Dan hekk kif, fil-ġimgħat ta’ wara, bdew jiġu żvelati dettalji xokkanti ta’ kif ħaddiema Asjatiċi kienu jitwasslu Malta u l-kundizzjonijiet li kienu jaħdmu fihom.
Tant li l-każ issa spiċċa fil-Qorti. Wara li l-każ kien żvelat f’Il-Mument, Bin Han, konxju li l-Pulizija kienu se jarrestawh minn mument għall-ieħor, kien diġà qata’ biljetti tal-ajru biex jaħrab minn Malta u kellu diversi oġġetti ppakkjati u lesti biex iħalli l-pajjiż.
Fil-fatt fil-Qorti, kien żvelat li dakinhar stess li l-Pulizija arrestat lil Bin Han, jiġifieri fid-29 ta’ Ottubru li għadda, l-istess Bin Han kellu biljett tal-ajru għal titjira lejn Ruma u l-pulizija jinsabu konvinti li Bin Han kien qed jipprova jaħrab minn Malta.
Issa, dan jidher li m’għadux iktar possibbli hekk kif l-Ambaxxata Ċiniża irtirat il-passaport u ċ-ċittadinanza Ċiniża.
//= $special ?>