Kanzunetta ġdida mill-grupp Colourblind, u li ġġib l-isem ta’ Timbru, għandha messaġġ qawwi kontra d-diskriminazzjoni ta’ persuni bit-tattoos.
Tkellimna mal-awtur tal-lirika, Clifton Casha, li fakkar kif il-qawl Malti jgħid li l-ewwel ma tiekol l-għajn, imma fl-2015 naraw kif it-tifsira ta’ dan il-qawl jista’ jkollha impatt negattiv fuq individwi li jridu jesprimu ruħhom b’mod differenti minn oħrajn.
“Minn dejjem kienu jagħtuni fastidju l-preġudizzji u diskriminazzjonijiet speċjalment meta, minħabba d-dehra fiżika, nispiċċaw nirredikolaw jew nippuntaw subgħajna lejn dak li jkun,” spjega Clifton emta mistoqsi dwar l-ispirazzjoni tiegħu.
Semma’ l-qawl Taljan L’abito non fa il Monaco, filwaqt li kompla li “qatt m’għandna naħsbu li persuni li għandhom it-tpenġija huma nies kesħin jew ta’ qattgħani. Bla dubju, dan huwa l-ħsieb ta’ ħafna u m’għandux ikun hekk. Minħabba din ir-raġuni, ħassejtni fid-dover li nikteb lirika fuq din it-tema biex inwassal il-messaġġ li m’għandna nittimbraw lill-ebda persuna u li mhux sew li bniedem jista’ jitlef xogħlu għax għandu tpenġija li tidher.”
‘Timbru’ titkellem preċiżament dwar dan kollu; l-abilitajiet, talenti u x’wieħed isarraf fil-ħajja ta’ kuljum, affarijiet li ma jitkejlux skond id-dehra tal-individwu.
Kien wara suġġeriment ta’ ħabiba tiegħu li Casha ġie f’kuntatt ma’ Paul Sky, il-kantant ewlieni tal-grupp Colourblind, bniedem li l-mużika u t-tpenġija qegħdin għal qalbu. “Kont ilni ftit insegwi dan il-grupp interessanti għall-mużika li joffru. Wara li kkuntattjajtu, iltqajna u żviluppajna t-tema dwar din il-kanzunetta. Huwa unur kbir għalija li l-ewwel kanzunetta bil-Malti ta’ dan il-grupp kienet propju mill-pinna tiegħi. Inħares ’il quddiem lejn proġetti ġodda ma’ dan il-grupp Malti,” temm jgħid Casha.
//= $special ?>