Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni b’mozzjoni biex il-Gvern ibaxxi l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel

L-Oppożizzjoni se tkun qed tressaq mozzjoni fil-Parlament li fiha se tkun qed tinsisti mal-Gvern biex ibaxxi l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel.

F’dikjarazzjoni, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qiegħed jinsisti mal-Gvern biex iraħħas il-prezz tal-petrol u d-diesel biex dan jirrifletti r-roħs fil-prezz internazzjonali taż-żejt.

Matul dawn l-aħħar xhur, il-prezz internazzjonali taż-żejt naqas b’iktar minn nofs iżda l-konsumatur Malti għadu ma bediex igawdi minn dan ir-roħs sostanzjali. F’Malta, il-prezz fil-pompi tal-fuel f’Malta għadu 1.42 ċenteżmu għal kull litru petrol u 1.35 ċentezmu għal kull litru diesel.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla li l-Oppożizzjoni ilha tagħmel pressjoni fuq il-Gvern ta’ Joseph Muscat biex ibaxxi l-prezzijiet tal-petrol u tad-diesel biex il-konsumatur ikun jista’ jgawdi minn roħs fil-petrol u d-diesel, iżda sabet Gvern li għandu rasu iebsa.

U hu propju għalhekk, li għada, l-Oppożizzjoni se tressaq mozzjoni fil-Parlament, li fiha se tinsisti biex il-Gvern ibaxxi l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel biex dawn ikunu ragjonevoli u jirriflettu dan ir-roħs sostanzjali.