Lokali

Ordnata investigazzjoni dwar Michael Precht

Is-Segretarjat Parlamentari għas-Saħħa ordna lis-CEO tal-Isptar Mater Dei Ivan Falzon biex jinvestiga kif Michael Camilo Precht ippoża ta’ tabib u tħalla jidħol l-isptar jinvista tliet tfajliet.

Iż-żagħżugħ, imwieled fil-Kolombja imma għex id-Danimarka, tressaq il-Qorti l-ġimgħa li għaddiet u ngħata sentenza ta’ erba’ snin sospiżi għal sentejn u multa ta’ €2,329. Dan wara li ammetta akkużi ta’ attakk bi vjolenza fuq il-pudur tat-tfajliet, ipprattika ta’ tabib mingħajr kwalifiċi u li uża dokumenti foloz.

L-istess żagħżugħ għandu storja ta’ attivita’ kriminali b’reati sesswali fid-Danimarka, l-Iżvezja u n-Norveġja, minn fejn tkeċċa għaliex abbuza minn tfajliet li wħud kien għad kellhom biss 14-il sena.

Intant dan l-istazzjon irnexxielu jakkwista komunikazzjoni li dan iż-żagħżugħ kellu ma’ tfajla Maltija, li fortunatament ma waqgħetx għan-nassa ta’ Precht.

Dan qalilha li hu tabib li jaħdem f’Malta kif ukoll rappreżentant ta’ xarba impurtata f’Malta. Qalilha li jridha bħala mudella waqt l-attivitajiet tal-istess xarba.

Qalilha li biex joffrilha dan ix-xogħol trid l-ewwel tattendi għal interview imma qabel trid tara tabib biex jagħmlilha eżami mediku qabel.

Meta t-tfajla bdiet tistaqsi iktar, għaliex daħlilha dubju, qalilha li l-eżami hemm bżonnu għal assigurazzjoni li skont hu hi mitluba b’liġi tal-Unjoni Ewropea.

Kien hawn li t-tfajla, li ilha għal snin twal taħdem xogħlijiet promozzjonali, ibblokkjat lil Precht minn fuq Facebook.

Madankollu tliet tfajliet Maltin oħra ma kinux daqshekk fortunati u attendew għal viżta medika fl-Isptar Mater Dei fejn talabhom ineħħu l-ħwejjeġ u għamlilhom eżami mediku anke’ tal-partijiet privati tagħhom.

Dan qanqlilhom suspett u marru jirrapurtaw lill-Pulizija, fejn ippreżentaw ukoll karta tal-Isptar Mater Dei li fuqha Precht kitbilhom li għandhom bżonn boyfriend li jimmassaġġjahhom kuljum.