Lokali Qorti

11-il sena ħabs u multa ta’ €30,000 għal traffikant tad-droga

Traffikant tad-droga ta’ 33 sena minn Ħal Qormi ġie kundannat 11-il sena ħabs u ngħata multa ta’ €30,000 wara li ammetta, minflok għadda ġuri, li fid-9 ta’ Novembru tal-2007 ittraffika aktar minn kilo kokaina f’Ħal Qormi stess, qrib ir-residenza tiegħu fi Triq Patri G. Spiteri Fremond.

Stiano Agius kien inqabad fil-fatt mill-Pulizija jgħaddi pakkett kannella, mdawwar bit-tape, li kien fih kilo u 200 gramma kokaina lil martu Eleanor Tracy Agius.

Minn tfittxija intensiva fid-dar tiegħu, il-Pulizija sabet pakkett bi droga kokaina b’purità ta’ 40% u miżien elettroniku forma ta’ mgħarfa, li kien fih traċċi ta’ kokaina, moħbija f’kexxun tal-kċina. Id-droga kollha misjuba fir-residenza tal-koppja Agius tammonta għal kilo u 153 gramma b’valur fis-suq, dak iż-żmien, ta’ €87,600.

Stiano Agius kien stqarr mal-Pulizija li din ma kinitx l-ewwel darba li kien iżomm il-kokaina fid-dar tiegħu u fil-fatt kien miftiehem ma’ persuna Libjana biex iżomm id-droga. Ta’ dan is-servizz kien jitħallas is-somma ta’ €2,333. Ħareġ ukoll li fir-residenza ta’ Agius kienu nstabu Lm31,000 (jew €73,559) fi flus kontanti, maqsuma f’pakketti ta’ Lm1,000.

Dak iż-żmien ir-raġel kien jaħdem bħala xufier part-time u kien jaqla’ bejn Lm25 u Lm35 fil-ġimgħa. Kien hemm okkażjonijiet ukoll meta kien innegozja xi karozza jew żiemel. Bejn l-1999 u Settembru tal-2005, Stiano Agius ma kellu l-ebda mpieg reġistrat mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ (l-ETC).

Kemm Stiano Agius kif ukoll martu qatt ma taw spjegazzjoni dwar minn fejn ġabu l-flus u kif kienu jiffinanzjaw il-ħajja li kienu jgħixu. Għalhekk irriżulta li kienu jiffinanzjaw ħajjithom permezz ta’ attività illeċita tat-traffikar ta’ droga.

Agius ammetta wkoll li kkommetta attività ta’ ħasil ta’ flus permezz ta’ attività kriminali, li kellu fil-pusses tiegħu munizzjon u li kien reċidiv. Il-mara ta’ Stiano Agius għadha għaddejja proċeduri fil-Qorti fuq l-istess każ.

L-Imħallef Antonio Mizzi, li quddiemu nstema’ l-każ, qies diversi ċirkostanzi fosthom li Agius ammetta fi stadju bikri tal-proċeduri qabel ma kien se jgħaddi ġuri.

Għall-ħati deheru l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri filwaqt li l-Avukat Lara Lanfranco mexxiet il-Prosekuzzjoni f’isem l-Avukat Ġenerali.