Futbol Sport

Attakkant Serb bi prova ma’ Hibernians

Matul din il-kampanja akkwisti l-leaders Hibernians dejjem kienu kwieti u kulħadd ħaseb li mhux se jkunu involuti f’negozjati ta’ plejers madankollu l-inċertezza dwar il-futur tal-attakkant Brażiljan Edison Luis Dos Santos waslet biex il-klabb jibda tfittxija għal min jista’ jkun is-sostitut idejali għal Tarabai. L-indikazzjonijiet huma li Tarabai jista’ jiċċaqalq f’Marzu hekk kif l-offerta li Hibernians irċevew minn klabb fil-Korea t’Isfel hija attrajenti ferm li tagħmilha diffiċli li l-klabb jirrifjuta. Kien għalhekk li matul il-jiem li għaddew waslu żewġ plejers barranin bi prova ma’ Hibernians; il-Franċiż Mafouta Marie Jesus u l-Arġentin Gianluca Goudelias.

Mafouta Jesus

Mafouta għandu 24 sena, jilgħab bħala kemm bħala midfielder offensive, winger u attakkant u kapaċi biż-żewġ saqajn. Fil-passat lagħab għal Lens fi Franza.

Goudelias għandu 18-il sena u hu winger li fost l-oħrajn ġie offrut lil Napoli, qajjem interess kbir minn Boca Juniors waqt li l-aġent tiegħu, Rodolfo Kirsch kien ukoll f’diskussjonijiet ma’ Werder Bremen tal-Ġermanja u ċ-champions Spanjoli ta’ Atletico Madrid. L-indikazzjonijiet huma li Goudelias jista’ jinżamm anke għaliex dan jaf ikun investiment għall-futur tal-klabb. Madankollu l-kowċ Branko Nisevic għad irid jara lil dawn il-plejers b’aktar reqqa peress li din kienet l-agħar ġimgħa biex tara plejers bi prova peress li Hibernians kienu fl-azzjoni fl-FA Trophy f’Għawdex u l-bieraħ kellhom partita diretta kontra B’Kara.

Gianluca Goudelias

Dan mhux kollox għaliex il-bieraħ wasal plejer ieħor barrani bi prova ma’ Hibernians. Il-bieraħ il-programm sportiv Replay żvela b’mod esklussiv l-isem tal-attakkant Serb ta’ 23 sena Marko Rajic li dan l-istaġun kien qed jilgħab fl-ogħla diviżjoni fis-Sebja ma’ Sindelic Beograd u fejn magħhom lagħab tnax-il partita. F’dawn l-aħħar staġuni lagħab fil-Premier League Serba ma’ żewġ klabbs oħra li huma Mladenovac u Teleoptik. Fl-istaġun 2012/13 saħansitra lagħab fil-Kamponat Ungeriż ma’ Honved II. Għalkemm lagħab biss erba’ darbiet f’dan il-kampjonat u skorja żewġ gowls. Fil-passat Rajic lagħab ukoll mat-tim nazzjonali Serb ta’ taħt id-19-il sena.

Marko Rajic

Intant fil-jiem li ġejjien mistenni jasal ir-raba’ plejer barrani ta’ Hibernians bi prova magħhom. Dan se jkun Belġjan ta’ 24 sena u li preżentament qed jilgħab regolari ma’ klabb fit-tielet diviżjoni ta’ dan il-pajjiż. Mill-barranin preżenti ta’ Hibernians, apparti Tarabai, teżisti possibilta’ li jista’ jiċċaqlaq il-Brażiljan Jackson Lima li xejn m’hu kuntent li ma tantx qed ikun utiliżżat mill-kowċ Branko Nisevic. Kemm il-darba jitlaq Tarabai minn ma’ Hibernians, dan it-trasferiment jista’ jwassal għat-tluq ta’ plejers oħra Brażiljani fit-tim għaliex hu sigriet magħruf li teżisti familjarita’ kbira bejn il-Brażiljani ta’ Hibernians.

Iktar aħbarijiet mix-xena tal-futbol lokali fuq Replay (Net Television).