Lokali

Diesel, Petrol u Pjaciri

Diesel u Petrol
L-Oppożizzjoni Nazzjonalista llum ser tippreżenta mozzjoni biex il-Gvern ma jibqax jisloħ lill-poplu Malti kull darba li jmur jimla l-vettura bid-diesel jew petrol. Waqt li qed nikteb dan il-blog il-prezz taż-żejt huwa $44.87 kull barmil jiġifieri terz ta’ dak li kien ħames snin ilu. Filwaqt li fil-pajiiżi Ewropej dan ir-roħs sostanzjali qiegħed jiġi mgħoddi lill-konsumatur, il-poplu Malti għadu jħallas ħafna iżjed minn dak li huwa ġust. Il-Partit Nazzjonalista għandu raġun li jibni kampanja f’pajjiżna biex il-poplu Malti jibda jgawdi minn dan ir-roħs.

Il-Prim Ministru llum jaf li l-poplu Malti qiegħed jagħti widen għal dak li qiegħed jgħid il-Kap tal-PN Simon Busuttil. Bħalma ġara fil-każ ta’ Manwel Mallia, Dr. Muscat qiegħed jistenna li l-poplu Malti jibda jitkellem dwar dan is-suġġett bl-istess mod li qed jitkellmu esponenti tal-PN.

Jien infurmat li fil-qalba tal-Gvern qiegħed jitħejja pjan biex jimminiżżaw l-impatt ta’ din il-kampanja. Oriġinarjament il-Gvern kellu l-intenzzjoni li l-prezz tal-fuel iraħħsu bi ftit ċenteżmi ftit ġranet qabel l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali, streteġija li kien uża qabel l-elezzjoni tal-MEPs.

Jidher pero li l-kampanja ta’ informazzjoni mill-PN gerfxet il-pjanijiet ta’ Muscat. Grazzi għax-xogħol tal-Oppożizzjoni, l-Gvern ser ikollu jraħħas l-prezz tad-diesel u petrol b’mod sostanzjali. Ma neħodiex bi kbira l-anqas li dan ir-roħs jitħabbar fil-ġranet li ġejjien. Li hu żgur hu, li grazzi għall-PN, sal-11 t’April il-poplu Malti ser ikun qed iħallas ħafna inqas minn dak li qed iħallas bħalissa biex jimla tank fjuwil.

Pjaċiri
Apparti l-pjan biex jitraħħas il-fjuwil, il-Gvern qiegħed iħejji l-ministeri tiegħu biex jibdew kampanja ta’ pjaċiri fejn ser isiru l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali. Din hija l-istess tattika li ġiet użata sena ilu qabel l-elezzjoni tal-MEPs. Dakinhar lil min riedu qdewh u hekk ser jerggħu jagħmlu. Tajjeb li l-poplu Malti jinqeda iżda huwa ħażin li tuza l-pjaċiri biex tixtri l-voti.

Insomma jekk għandek bżonn xi ħaġa minn għand il-Gvern issa hu l-mument li tmur biex tinqeda. Jekk wiegħduk job mur għalih. Jekk wiegħduk promotion jew transfer issa l-mument li tinqeda. Naturalment dan kollu jgħodd jekk toqgħod f’lokalita fejn ser issir elezzjoni. Jekk le ħa nagħtik parir ta’ ħabib….mur aqleb l-ID f’raħal fejn ser issir elezzjoni għax inkella jibqgħu jgħadduk biż-żmien.