Lokali

Filmat: Wirja ta’ skultura taċ-ċikkulata f’San Vinċenz de Paul

Bl-iskop li anke l-anzjani residenti f’San Vinċenz de Paul igawdu s-sbuħija tax-xogħol artistiku magħmul miċ-ċikkulata, li kien esebit waqt il-Festival taċ-Ċikkulata li sar għas-sitt sena konsekuttiva fil-Ħamrun f’Ottubru li għadda, kienet inawgurata esebizzjoni fl-entratura tal-Active Aging Unit ta’ San Vinċenz de Paul.

Il-wirja turi diversi xeni li wieħed jista’ jara fi rħula tipiċi Maltin bħalma huma knisja, pjazza, zuntier, djar, remissi u affarijiet oħra.

Din l-inizjattiva saret minn Andrew Farrugia, l-iskultur taċ-ċikkulata Malti li llum kiseb fama internazzjonali, il-Kunsill Lokali tal-Ħamrun u l-amministrazzjoni tar-residenza San Vinċenz de Paul.

F’kummenti lil In-Nazzjon, Andrew Farrugia qal li soltu wara li jsir il-Festival taċ-Ċikkulata fil-Ħamrun, dejjem jispiċċaw li x-xogħol esebit ikollu jitneħħa. Imma din is-sena hu u l-Kunsill Lokali tal-Ħamrun qablu li dan ix-xogħol ikun esebit fir-residenza San Vinċenz de Paul biex ikunu jistgħu igawduha wkoll r-residenti anzjani.

Hu spjega li hu kellu l-għajnuna ta’ xi nies oħra biex ħadem dan ix-xogħol artistiku u damu bejn ġimagħtejn u tlieta biex lestewha. Andrew Farrugia qal li x-xogħol inħadem f’kamra fid-dar tiegħu stess u spjega li x-xogħol hu magħmul minn ħafna biċċiet differenti li wara jingħaqdu flimkien.

Andrew Farrugia spjega li din is-sena l-esebizzjoni fil-Festival taċ-Ċikkulata ntlaqa’ tajjeb ħafna u kien hemm ukoll esebizzjoni ta’ skultura taċ-ċikkulata kontemporanja. Hu qal li jaghmel wirjiet ta’ skulturi bħal dawn anke barra minn Malta u anke għandu rikonoxximent mill-Guinness Book of Records. Fil-fatt spjega li fl-aħħar ta’ Novembru li għadda tella’ skultura taċ-ċikkulata għolja erba’ sulari u nofs fl-Ajruport ta’ Dubaj u sentejn ilu tella skultura taċ-ċikkulata tal-itwal ferrovija fid-dinja. Dawn iż-żewġ xogħlijiet huma rikonoxxuti fil-Guinness Book of Records.

Is-Sindku tal-Ħamrun Vince Bonello qal li l-Festival taċ-Ċikkulata fil-Ħamrun issa sar magħruf ma Malta kollha u mistenni minn ħafna nies. Hu qal li matul l-aħħar sitt snin kemm ilu jkun organizzat il-Festival taċ-Ċikkulata, bl-għajnuna ta’ Andrew Farrugia, dejjem kien hemm xogħol mill-isbaħ, sena aħjar mill-oħra.

Hu qal li issa l-Kunsill Lokali flimkien ma Andrew Farrugia ħasbu li l-esebizzjoni tittella wkoll fir-residenza San Vinċenz de Paul biex titgawda wkoll mir-residenti li ma jkunux jistgħu jattendu għall-Festival fil-Ħamrun.

Sadattant, il-Presidenti tal-Kumitati tal-Partit Nazzjonalista u tal-Partit Laburista fil-Ħamrun qassmu xi rigali lil xi Ħamrunizi residenti f’San Vinċenz de Paule.

Għall-inawgurazzjoni tal-wirja attendew ukoll diversi anzjani residenti kif ukoll Kunsilliera tal-Hamrun, fosthom il-Kunsillier Nazzjonalista, Antonello Cuschieri.

Il-wirja tkun miftuħa kuljum mill-11.30 a.m ‘il quddiem.