Lokali

Ħames pajjiżi fl-Unjoni Ewropea bi prezz tal-fuel inqas minn €1

Kuntrarju għal dak li qed jiġi rrappurtat illum fil-ġurnal tal-General Workers’ Union, li qed jallega li m’hemm l-ebda pajjiż fl-Unjoni Ewropea li għandu l-prezz tal-fuel anqas minn €1, l-aħħar prezzijiet uffiċjali juru kif hemm ħames pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li għandhom il-prezzijiet anqas minn €1. Dawn huma l-Polonja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Estonja u l-Bulgarija.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-aħħar prezzijiet ikomplu jikkonfermaw kemm il-prezzijiet li l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Gvern tiegħu qed iżommu f’Malta huma fost l-ogħla fl-Ewropa, kemm f’dak li għandu x’jaqsam ma’ petrol kif ukoll għad-diesel.

Fl-istqarrija, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil sfida lill-Prim Ministru Muscat biex juri kemm hu “bravu”, kif sostna hu stess ilbieraħ filgħodu, u jraħħas il-prezzijiet tad-diesel u l-petrol minnufih ladarba l-prezz internazzjonali taż-żejt raħas.

Il-Partit Nazzjonalista sfida wkoll lill-GWU biex minflok tkompli għaddejja bid-difiża tagħha għad-deċiżjoni tal-Gvern, li jibqa’ jżomm il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel fost l-ogħla fl-Ewropa, tingħaqad fl-appell lill-Gvern biex iraħħas minnufih il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel biex dawn jirriflettu t-tnaqqis fil-prezz internazzjonali taż-żejt.