Internazzjonali Unjoni Ewropea

IL-GREĊJA: Jieħu l-ġurament ta’ Prim Ministru

Ftit tal-ħin ilu Alexis Tsipras , il-Kap tas-Syriza, ħa l-ġurament bħala l-Prim Ministru ġdid tal-Greċja u l-Kabinett mistenni jitħabbar għada l-Erbgħa.
Hemm stennija madwar l-Unjoni Ewropea u fil-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) u l-Bank Dinji għad-direzzjoni li se tieħu l-Greċja issa li l-elezzjoni ġenerali ta’ nhar il-Ħadd intrebħet mill-partit radikali tas-Syriza.
Dan peress li l-partit ta’ Tsipras li hu xellugi estremist irid jinnegozja mill-ġdid it-termini tal-bailout li kienet ingħatat il-Greċja biex tevita l-falliment, bailout li minħabba fih il-Greċja kellha timponi ħafna miżuri ta’ awsterità li poġġew lill-poplu Grieg f’diffikultà kbira.
Is-Syriza kiseb ftit aktar minn 36 fil-mija tal-voti imma għal żewġ siġġijiet ma kisibx il-maġġoranza assoluta fil-Parlament u għalhekk daħal f’alleanza ma’ partit żgħir indipendenti, l-ANEL.
Filwaqt li meta ssir elezzjoni f’pajjiż tal-Unjoni Ewropea, ħafna gvernijiet ikunu pronti joħorġu messaġġ jifirħu mar-rebbieħ, fil-każ tal-Greċja, dawn damu. Francois Hollande, il-President Franċiż kien wieħed mill-ftit li kienu pronti ferħu lil Tsipras filwaqt li David Cameron, il-Prim Ministru Ingliż, poġġa messaġġ fuq Twitter u fih stqarr li r-riżultat Grieg kien se jkabbar l-inċertezza fl-Unjoni Ewropea. Alex Stubb, il-Mexxej Finlandiż, qal li r-riżultat demokratiku jrid ikun rispettat.
Manfred Weber, iċ-Chairman tal-PPE fil-Parlament Ewropew, ħareġ stqarrija u fiha qal li kien diżappuntanti li t-triq tas-sewwa u l-onestà li kien adotta l-Prim Ministru Samaras ma kinitx apprezzata. Weber qal li t-triq ta’ riforma li qed twettaq il-Greċja bdiet tħalli l-frott u dan irid jitkompla. Hu qal li dalwaqt se jkun ċar li l-wegħdiet elettorali ta’ Tspiras ma kienu xejn ħlief gideb.

Aktar f’IN-NAZZJON ta’ għada