Il-Parlament isellem u jfakkar il-vittmi ta’ Auschwitz
Il-Parlament Malti llejla sellem il-memorja tal-11-il miljun li fis-snin erbgħin tilfu ħajjithom fil-kampijiet ta’ konċentrament f’Auschwitz – sitt miljun Lhud u ħames miljun minn pajjiżi oħra – b-appell tal-Parlament biex nitgħallmu minn dak l-avveniment għaliex tfisser li l-ħruxija f’Auschwitz għadha teżisti 70 sena wara f’diversi forom u f’diversi realtajiet li għadha tgħix id-dinja fejn poplu jew komunità ma tistax tgħix ħdejn poplu ieħor.
Fil-bidu tas-seduta tal-lejla, tfakkar is-70 anniversarju mil-liberalizzazzjoni tal-kampijiet ta’ konċentrament f’Auschwitz, bil-Ministru għall-Affarijiet Barranin George Vella u d-Deputat Nazzjonalista Tonio Fenech, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin, ifakkru u jsellmu lill-vittmi u jappellaw biex jieqfu l-ħruxijiet li għadhom preżenti f’diversi zoni tad-dinja, anke fl-Ewropa.
Tonio Fenech ingħaqad mas-sentimenti espressi mill-Gvern u mal-President ta’ Malta li jinsab il-Polonja fejn qed tattendi f’isem pajjiżna kommemorazzjoni ta’ dan l-avveniment; bħalma qed jagħmel ukoll l-Ispeaker li qiegħed jirrappreżenta l-Parlament Malti f’tifkira oħra li qed issir fi Praga.
Tonio Fenech fisser li l-kommemorazzjonijiet ta’ dan l-avveniment isiru b’tama qawwija li d-dinja ma terġax tgħaddi minn dawk il-ġrajjiet koroh.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni qal li l-ħruxija li d-dinja qatt ma rat bħala meta nkixfet 70 sena ilu, hi marda li għadha għaddejja madwar id-dinja f’diversi sitwazzjonijiet u taħt diversi forom illum fejn għadhom jinqatlu nies biex ma jgawdux id-drittijiiet tagħhom, tort ta’ strutturi li jobogħdu razza minn oħra. Dawn is-sitwazzjonijiet għadhom magħna f’diversi forom.
Fisser kif mexxejja politiċi fid-dinja għadhom jiffumentaw biża’ f’popli – fenomenu li qiegħed jerġa’ jgħolli rasu anke fil-pajjiżi Ewropej b’tindif ta’ komunitajiet etniċi bħalma qed jiġri wkoll fl-istat Iżlamiku u f’partijiet oħra tad-dinja fejn hemm gruppi etniċi.
Ir-realtà hi, qal Tonio Fenech, li l-ħruxija tal-Olokawst għadha magħna sal-lum f’diversi forom. Il-bniedem sfortunatament għadu jibża’ minn dak ta’ maġenbu għaliex m’għandux l-istess twemmin jew orjentazzjoni oħra.
Il-bniedem, 70 sena wara, għadu jara bħala soluzzjoni l-bombi, it-theddid u l-użu tal-armi u tat-tortura biex jinqerdu komunitajiet u stati, b’lista li ma tiqafx jekk wieħed joqgħod isemmi każ każ u sitwazzjoni wara sitwazzjoni.
L-immigranti li wasslu f’pajjiżna l-ġimgħa li għaddiet, fisser Tonio Fenech, taw stampa xejn differenti minn dak li kien iseħħ 70 sena ilu fejn dawn ġew imkeċċija u spiċċaw vittmi tad-dinja li qed jgħixu fiha.
Bħala politiċi, għandna wkoll responsabbiltà speċjali fl-għaża ta’ kliemna u fl-għemil tagħna biex ma nkunux aħna li niżirgħu sentiment ta’ biża’ li jwassal għal sitwazzjonijiet xejn sbieħ. Appella biex ningħaqdu bħala politiċi biex inħeġġu d-demokrazija bħala d-dritt tal-bniedem li jrid ifassal il-politika għall-ġejjieni tal-popli u ġenerazzjonijiet.
“Irridu nkunu aħna li nġibu l-popli li jifhmu li d-dinja tista’ tgħix flimkien”, temm jappella l-Kelliem tal-Oppożizzjoni Tonio Fenech.
Il-Minstru tal-Affarijiet Barranin George Vella, fisser li meta nitkellmu fuq dak li seħħ 70 sena ilu, ilkoll inkunu konxji li mhux se jinbdel xejn mill-fatti u mill-istorja. Iżda fisser li rridu nibqgħu nikkommemoraw u nfakkru lill-ġenerazzjonijiet li telgħin, fil-miljuni ta’ nies li mietu taħt kundizzjonijiet indiskrevibbli u f’kundizzjonijiet psikoloġiċi li wieħed ma jistax jiddeskrivi.
Fisser li din hi kommemorazzjoni li nfakkru lil dawk li ħelsu t-truppi u illiberaw il-kampijiet ta’ konċentrament. Kienet okkażjoni li tat ukoll informazzjoni ta’ dak li seħħ fil-kampijiet ta’ konċentrament.
Il-Ministru George Vella spjega li dan l-avveniment m’għandux il-wiċċ ta’ ġens kontra ieħor, iżda rridu nħarsu lejh bħala l-ħtija tal-umanità għaliex jekk ikun hemm ċirksutanzi oħra ta’ sistemi politiċi simili ta’ 70 sena ilu, dan jista’ jerġa’ jseħħ.
Saħaq li hu għalhekk importanti l-ħarsien tad-dritt u l-ħarsien tal-libertajiet u tad-demokrazija biex ħadd aktar, min jakkwista l-poter, jieħu ċ-ċans li jwettaq dak li twettaq 70 sena ilu.
Sejjaħ bħala kruha tal-poter assolut li jagħmel dak li jidhirlu u dak li jogħġbu. Dawk li wettqu dawn l-atti kienu nies li emmnu li ma kienu qed jagħmlu xejn ħażin, u fisser li dan hu l-livell baxx ta’ fejn jista’ jasal il-bniedem – it-tindif etniku ta’ dak iż-żmien kif għadu jsir ukoll illum.
Staqsa jekk dan l-avveniment tax tagħlima biex dak li twettaq 70 sena ilu, ma jerġax jiġi ripetut. Fisser li dwar din il-mistoqisja għandu dubji kbar għaliex madwar id-dinja seħħew u għadhom iseħħu affarijiet li ma jirriflettux it-tagħlima li suppost ħadna mill-ġrajja tal-kampijiet f’Auschwitz.
Filwaqt li saħaq li n-natura tal-bniedem kienet dik li kienet, u għadha dik li hi, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin saħaq dwar l-importanza tal-istrutturi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali bħalma hi l-Ġnus Magħquda li żżomm il-viġilanza u n-normi ta’ dak li hu permess, u dak li mhux.
George Vella temm li l-miljuni ta’ Lhud immassakrati fil-kampijiet, mietu biex iwasslu messaġġ u biex nitgħallmu.
Id-Deputat Speaker Ċensu Galea, li kien qiegħed jippresiedi l-Kamra, ingħaqad mal-ħsibijiet taż-żewġ naħat tal-Kamra u stieden lill-Parlament josserva minuta silenzju b’tislima għall-memorja tal-miljuni ta’ nies li mietu, u tal-familjari tagħhom.
//= $special ?>