Lokali Qorti

Il-Qorti tal-Appell tikkonferma s-sentenza li Brunno jiġi estradit lejn pajjiżu

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Antonio Mizzi, ikkonfermat is-sentenza mogħtija mill-Maġistrat Aaron Buġeja u għalhekk laqgħet it-talba biex Sebastiano Brunno jiġi estradit lejn l-Italja ħalli jiskonta sentenza ta’ għomor il-ħabs wara li kien instab ħati ta’ qtil li seħħ fl-1992. F’sentenza twila madwar 50 paġna, il-Qorti ċaħdet l-argument tad-Difiża, li kien hemm żbalji fil-proċedura.

Brunno, Sqalli ta’ 56 sena, kien inqabad f’Buġibba fit-2 ta’ Ottubru li għadda wara li kien ilu mfittex mill-Pulizija Taljana mill-2009. Minbarra l-kawża għall-estradizzjoni, f’Malta hu ffaċċja wkoll akkużi ta’ falsifikazzjoni ta’ Karta tal-Identità, li tagħhom instab ħati u ġie kkundannat għal tliet xhur ħabs.

Il-Qorti kienet semgħet l-aħħar sottmissjoni mid-Difiża u l-Avukat Ġenerali, bil-Maġistrat Aaron Bugeja tenna li kien jagħti d-deċiżjoni tiegħu dwar it-talba tal-Italja li saret fit-28 ta’ Novembru li għadda għall-estradizzjoni ta’ Sebastiano Brunno, allegatament mexxej tal-Mafja.

Fil-pussess ta’ Brunno, il-Pulizija sabu Karta tal-Identità f’isem Natale La Modica u minbarra l-proċeduri ta’ estradizzjoni, diġà tressaq quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke dwar il-pussess ta’ dokument falz. Hemm, hu nstab ħati u ġie kkundannat tliet xhur ħabs.

Għal Brunno deher l-Avukat Roberto Montalto, filwaqt li d-Deputat Avukat Ġenerali Donatella Frendo Dimech mexxiet il-Prosekuzzjoni.