Koppja miżżewwġa, fl-Indja, għamlet l-agħar – u l-aħħar – deċiżjoni ta’ ħajjitha meta ħadet ir-ritratti ta’ grupp ta’ iljunfanti waqt espedizzjoni f’zona riservata għall-annimali slavaġ fl-inħawi ta’ Kerala.
It-traġedja li żviluppat minn dak il-ħin damet biss sekondi, bil-‘flash’ tal-kamera jaħsad lill-iljunfanti, tant, li wieħed minnhom ġera’ lejn il-koppja li baqgħu ‘ffriżati’ u bir-riżultat li r-raġel u l-mara mietu mgħaffġin fuq il-post.
Uffiċjal fir-Riserva ta’ Periyar qal, aktar tard, li l-iljunfant ġera lejn il-koppja ‘waqt li deher mitluf f’dagħdigħa’, bir-raġel u l-mara bilkemm ikollhom ċans li jiċċaqalqu. Il-vittmi – residenti ta’ Gujrat — huma manager ta’ kumpannija privata u martu, li kienet xjenzata. Mifhum li fl-inċident weġġa’ wkoll gwida li kien qed imexxi l-espedizzjoni fl-inħawi.
Din ir-riserva, qalb foresta, hi popolari ħafna mat-turisti, tant li mal-1,000 persuna jżuru l-inħawi kuljum waqt l-eqqel tal-istaġun tat-turiżmu. Dan meta l-iljunfanti fir-riserva huma fost l-akbar attrazzjonijiet fiz-zona.
//= $special ?>