Wara li l-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni li fiha tinsisti mal-Gvern biex iraħħas il-prezzijiet tad-diesel u petrol minnufih, il-Ministru Konrad Mizzi għażel li jikkanċella l-preżenza tiegħu fuq il-programm Reporter fuq l-istazzjon nazzjonali.
Illejla, l-programm immexxi minn Saviour Balzan, se jiddiskuti s-settur tal-enerġija, u bħala mistiedna kellu lill-Ministru Konrad Mizzi u lix-Shadow Minister Marthese Portelli.
Madanakollu, dan l-istazzjon hu nfurmat li aktar kmieni llum, il-Ministru Konrad Mizzi nforma lill-producers tal-programm li mhux se jkun qed jattendi “għax mhux se jlaħħaq jasal Malta għax għadu msiefer”.
Madanakollu, l-Ministru attenda b’mod normali għal-laqgħa tal-Kabinett dalgħodu – konferma li mhux veru kien imsiefer. Jirriżulta, li wara li nġibdet l-attenzjoni tal-Ministru Mizzi li ladarba kien qiegħed Malta, kien qed jiġi mistieden għall-programm, hu nforma lill-producers li għandu xi impenji oħra, u minfloku se jattendi l-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona.
Konrad Mizzi huwa l-Ministru li għażel lil Godwin Sant, li skont emails ippublikati fil-ġurnal Maltatoday, kien qed jinforma lil George Farrugia b’dak li kien qed ikun diskuss fl-MRA, bħala persuna tal-fiduċja tiegħu fis-Segretarjat tiegħu.
//= $special ?>