Sport

L-aħwa Williams fil-kwarti tal-finali

Serena Williams evitat telfa oħra fi Grand Slam mingħand l-Ispanjola Garbine Muguruza meta kellha titħabat biex għaddiet għall-kwarti tal-finali.

L-Amerikana seed nru 1 li tilfet kontra Muguruza s-sena l-oħra fl-Open tal-Awstralja, ħarġet rebbieħa fi tliet sets 2-6, 6-3, 6-2. Waqt il-logħba hija kellha wkoll problemi bis-sogħla.

Williams issa tilgħab kontra s-Slovakka Dominika Cibulkova li eliminat lid-darbtejn Champion Victoria Azarenka 6-2, 3-6, 6-3.

Oħt Serena Venus, lagħbet kontra s-seed nru 6 Agnieszka Radwanska li hi disa’ snin iżgħar minnha u għalkemm kellha bżonn sagħtejn u ħames minuti, issuperat lill-favorita fi tliet sets 6-3, 2-6, 6-1 biex tinsab mal-aħħar tmienja ta’ Grand Slam għall-ewwel darba sa mill-2010.
L-Amerikana Madison Keys li għandha 19-il sena kompliet fuq ir-rebħa li kisbet kontra s-seed nru 4 Petra Kvitova, billi eliminat lill-konnazzjonal Madison Brengle 6-2, 6-4.

Fost l-irġiel in-numru 1 Novak Djokovic rebaħ kif mistenni lil Muller tal-Lussemburgu 6-4, 7-5, 7-5. Din hi t-23 darba konsekuttiva li s-Serb għadda għall-kwarti tal-finali ta’ grand slam u issa

jilgħab kontra n-numru 8 Milos Raonic li kellu bżonn ħames sets biex għeleb lill-Ispanjol Feliciano Lopez. Il-Kanadiż għeleb lis-seed nru 12 6-4, 4-6, 6-3, 6-7, 6-3.

Iċ-Champion renjanti Stan Wawrinka u s-seed nru 5 Kei Nishikori t-tnejn rebħu. Wawrinka għeleb lil Guillermo Garcia-Lopez 7-6, 6-4, 4-6, 7-6 qabel Nishikori ssupera lil David Ferrer 6-3, 6-3, 6-3.