Il-ġellieda tal-grupp militanti Iżlamiku tal-ISIS jidher li tkeċċew kważi għalkollox mill-belt Sirjana ta’ Kobane, belt tul il-fruntiera Torka u li kienet saret simbolu tal-ġlieda kontra l-ISIS wara li spiċċat f’idejhom f’Settembru tal-2014.
Skont sorsi Sirjani, ġellieda Kurdi issa qed jikkontrollaw aktar minn 90 fil-mija tal-belt wara li l-militanti Iżlamiċi rtiraw miz-zona ta’ Kani Araban u parti kbira miz-zona ta’ Maqtalah. Ilbieraħ kien hemm ġlied qalil fil-Punent tal-belt.
Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, il-grupp ISIS bagħat madwar 140 ġellied, ħafna minnhom kważi tfal biex jippruvaw iwaqqfu l-offensiva tal-Kurdi.
Il-Ħadd, il-Kurdi ħabbru li kienu ħadu l-kontroll ta’ Siran, belt Sirjana li tinsab madwar erba’ kilometri bogħod minn Kobane u importanti minħabba l-aċċess lejn Aleppo.
Fl-offensiva għal Kobane, il-Kurdi kienu megħjuna ħafna mill-attakki mill-ajru tal-koalizzjoni mmexxija mill-Istati Uniti.
Tmiem il-ġimgħa li għaddiet ma kienx wieħed tajjeb għall-ISIS peress li dawn tilfu diversi bliet u rħula fil-Punent tas-Sirja.
(fir-ritratt ġellieda Kurdi bil-bandiera tagħhom fuq l-għoljiet ta’ Kobane)
Politiku Awstraljan aktarx fis-Sirja biex jiġġieled
Sadattant politiku li għandu kariga għolja fi ħdan il-Partit Laburista Awstraljan jidher li jinsab fis-Sirja biex jingħaqad ma’ ġellieda Kurdi fil-ġlieda tagħhom kontra l-Istat Iżlamiku.
Matthew Gardiner kien il-president tal-fergħa tat-tramuntana tal-Awstralja għall-Partit Laburista. Kellu wkoll kariga għolja f’żewġ unjins importanti tal-istat, sakemm għeb ġimgħat ilu u t-telefon ċellulari tiegħu ma baqax jaqbad.
Skont il-gazzetti Awstraljani, Gardiner hu fost 90 Awstraljan li qed jiġġieled fis-Sirja. Ir-raġel ta’ 43 sena kien ħa sehem fil-gwerra fis-Somalja mal-armata Awstraljana fis-snin Disgħin.
Il-Pulizija Awstraljana kkonfermat li qed tinvestiga t-tluq tiegħu mill-Awstralja imma ma tatx iktar dettalji.
Skont l-Avukat Ġenerali Awstraljan, anke jekk mar fis-Sirja biex jiġġieled kontra l-Istat Iżlamiku, Gardiner qed jiffaċċja sentenza ta’ għomor il-ħabs jekk jirritorna fl-Awstralja. Dan għaliex bl-azzjoni tiegħu, Gardiner qed iqiegħed Awstraljani u persuni oħra fil-periklu.
Minkejja li Gardiner kien irriżenja minn kariga tiegħu f’unjin qabel telaq lejn is-Sirja, kien baqa’ president tal-Partit Laburista imma issa tneħħa u s-sħubija tiegħu fil-partit ġiet sospiża.
//= $special ?>

