L-Oppożizzjoni llum ippreżentat Mozzjoni biex isir dibattitu parlamentari ħalli l-Gvern iraħħas minnufih il-prezz tad-diesel u l-petrol. B’hekk dawn ikunu jirrispettaw il-prezzijiet internazzjonali taż-żejt.
Din il-Mozzjoni kienet ippreżentata lid-Deputat Speaker Ċensu Galea mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament Mario de Marco u x-Shadow Minister għall-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli. Preżenti kien hemm ukoll il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius.
Fil-Mozzjoni, l-Oppożizzjoni qed issostni li minkejja li l-prezz internazzjonali taż-żejt niżel għal $44 kull barmil, il-Gvern żamm il-prezzijiet għoljin biex il-poplu Malti u Għawdxi qed ikollu jħallas fost l-ogħla prezzijiet tad-diesel u l-petrol fl-Unjoni Ewropea.
Jirriżulta li fl-UE, il-pajjiżi membri kollha qed iraħħsu l-prezzijiet tad-diesel u l-petrol, iżda bla ebda raġuni l-Gvern Malti baqa’ jżomm il-pożizzjoni tiegħu li jżomm il-prezzijiet għolja b’detriment għall-konsumaturi Maltin u Għawdxin.
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco qal li l-Oppożizzjoni qed issejjaħ għal dan id-dibattitu wara li l-Gvern Malti, minkejja li l-prezz internazzjonali taż-żejt naqas b’aktar min-nofs, ħalla l-prezzijiet tad-diesel u l-petrol fl-istess ilma. Appella biex il-Mozzjoni tiġi dibattita mill-aktar fis possibbli.
Min-naħa tagħha, ix-Shadow Minister Marthese Portelli nsistiet li bħalissa l-konsumatur Malti qed iħallas l-istess prezz li kien iħallas fl-2011, meta l-prezz internazzjonali taż-żejt kien id-doppju ta’ dak li hu bħalissa. Fakkret li meta wieħed ineħħi t-taxxa, il-prezz tad-diesel u l-petrol f’Malta hu l-ogħla fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li meta tiżdied it-taxxa xorta jibqa’ fost l-ogħla fl-Unjoni Ewropea.
//= $special ?>