Lokali Parlament

Ma jgħidx min kien wara d-deċiżjoni ta’ John Rolè

Għaxart ijiem minn meta ttieħdet id-deċiżjoni li biha tneħħa John Rolè minn Foster Care Team Leader fi ħdan l-Aġenzija Appoġġ, il-Gvern baqa’ ma weġibx fil-Parlament mistoqsija sempliċi u ċara dwar min kien wara dik id-deċiżjoni.

Fil-Parlament, il-Ministru responsabbli mis-settur tal-fostering, Michael Farrugia, ilbieraħ ma weġibx mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, Kelliem għall-Familja u Drittijiet tat-Tfal, Anzjani u Persuni b’Diżabbiltà; li staqsa lill-Ministru jgħid min ħa d-deċiżjoni li jittrasferixxi lil John Rolè mill-kariga li kien ilu jokkupa għal dawn l-aħħar snin fis-settur tal-fostering.

Filwaqt li l-Ministru Michael Farrugia wieġeb bil-miktub fir-risposta li ta, li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra, immedjata kienet ir-reazzjoni tad-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar meta llejla stess tkellem u rrifera għat-tweġiba li ta l-Ministru Farrugia bil-miktub fid-dibattitu dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar sħubija tal-Persuni b’Diżabbiltà f’entitajiet u bordijiet tal-Gvern.

Robert Cutajar staqsa min ħa d-deċiżjoni u jekk mhux hu, min kien responsabbli u x’passi ħa biex ma jerġax jiġri l-istess jekk id-deċiżjoni ma kinitx tal-Ministru. Staqsa wkoll min kien responsabbli mill-ħruġ tas-sejħa biex jimtela’ l-post minflok John Rolè u li ntalbet esperjenza ta’ sentejn biss f’dan is-settur tant delikat u sensittiv bħalma hu l-qasam tas-servizzi tal-fostering.

Minflok ma wieġeb il-mistoqsija diretta u ċara meta tkellem ukoll fid-dibattitu fil-Parlament illejla, il-Ministru responsabbli mill-Aġenzija Appoġġ, Michael Farrugia, għażel li jikkwota x’qalet il-gazzetta The Times of Malta li f’rapport qalet li kienet l-Aġenzija Appoġġ li ħadet id-deċiżjoni.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li m’għanduux aktar xi jżid dwar dan, u qal li dan issa hu każ magħluq.

Dwar id-deċiżjoni tal-Gvern meta neħħa lil John Rolè, il-Gvern kellu jagħmel u-turn wara appelli kemm mill-Oppożizzjoni kif ukoll b’petizzjoni biex jingħata lura x-xogħol ta’ din il-persuna, lis-servizzi tal-fostering.

Għal mistoqsija oħra tal-istess Deputat Nazzjonalista li staqsa wkoll lill-Ministru Farrugia jgħid jekk ċaqliq ieħor ta’ persuni li sar fl-aħħar jiem fis-settur tal-fostering sarx bl-approvazzjoni tiegħu, fit-tweġiba bil-miktub il-Ministru Farrugia qal li dan ma sarx bl-approvazzjoni tiegħu.

Dwar dan iċ-ċaqliq u transfers li saru, il-Ministru Farrugia m’għamel ebda riferenza u ma semma xejn meta tkellem fil-Parlament.