Futbol Sport

Mourinho jrid risposta

Chelsea m’għandhomx ċans jirriflettu fuq l-eliminazzjoni xokkanti mill-FA Cup hekk kif għada jilqgħu lil Liverpool fit-tieni leg tas-semifinali tal-League Cup.

Wara li tħallew ‘imbarazzati’ minn Bradford City s-Sibt, Jose Mourinho talab risposta mmedjata mill-plejers tiegħu u jrid rebħa fuq Liverpool għada biex jiksbu post fil-finali.

Il-liders tal-Premier kienu eliminati mill-FA Cup fi Stamford Bridge is-Sibt wara li rmew vantaġġ ta’ 2-0 biex tilfu 4-2.

Wara l-logħba Mourinho qal li l-plejers tiegħu messhom ‘jistħu’ li tilfu kontra tim minn diviżjoni inferjuri.

“Dejjem ngħid li ma nagħtix prijorità lill-kompetizzjonijiet. Issa l-aktar logħba importanti hi l-League Cup għax hi l-logħba li jmiss. Ovvjament il-Premier jiġi l-ewwe imma nippreparaw b’mod professjonali għal kull logħba u meta nitilfu niddejqu.”

Liverpool, li tilfu l-final kontra Chelsea fl-2005, ukoll għandhom xi jpattu wara li se jkollhom jilagħbu replay kontra Bolton ta’ The Championship wara draw 0-0 is-Sibt ukoll.

Madankollu l-plejers ta’ Brendan Rodgers kienu fil-forma u ilhom 10 partiti mhux megħluba.

Liverpool se jħossuhom sfortunati li mhux se jkunu qed iġorru vantaġġ mill-ewwel leg wara li spiċċaw 1-1 il-ġimgħa l-oħra.

Il-midfielder Joe Allen, li rritorna minn xahar barra kontra Bolton wara injury, jinsab fiduċjuż li l-aktar tim li rebaħ il-League Cup jista’ jelimina lil Chelsea u jilgħab biex jirbaħ dan l-unur għad-disa’ darba.