Persuna li tkellmet dwar il-każ wasslet biex jitressqu żewġ irġiel oħra quddiem il-Qorti dwar il-każ tal-qtil tal-messaġġier tal-Bank of Valletta Alphonse Ferriggi. Dan ħareġ meta kompliet il-kumpilazzjoni fil-każ tal-qtil, li kien seħħ fl-2000.
Quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli, kompla l-każ ta’ James Vella, ta’ 33 sena minn Ħal Qormi, u Christopher Scerri, ta’ 35 sena minn Tal-Pietà, akkużati bil-qtil tal-messaġġier tal-BOV fit-18 ta’ Settembru.
Vella, magħruf bħala l-Frejżer, u Scerri, mlaqqam Gazzetti jew Buttuni, jinsabu akkużati li għall-ħabta tal-5.30am huma kienu qatlu lil Ferriggi f’San Ġwann wara li dan kien intlaqat minn tir ta’ arma tan-nar.
Illum waranofsinhar xehed is-Supretendent Carmel Bartolo, li spjega fid-dettal l-investigazzjonijiet li għamlet il-Pulizija biex issolvi l-każ. Qal li l-erba persuni allegatament involuti kienu ssemmew għall-ewwel darba mal-Pulizija meta daħlet informazzjoni kunfidenzjali.
L-erba’ persuni kien ġew arrestati, iżda minn dik l-interrogazzjoni ma kien ħareġ xejn li seta’ jwassal biex il-Pulizija tieħu l-passi. Madankollu, ċertu Tony Frendo tkellem mal-Pulizija u kien irrakkonta li kien tkellem ma’ Joseph Zammit dwar il-każ. Sussegwentament, Zammit kien ġie mitkellem mill-Pulizija u wara konfront li sar bejnu u bejn Frendo, kien irrakkonta lill-Pulizija kif seħħ il-każ.
Minn dak iż-żmien, Joseph Zammit u Richard Grech bdew jiskontaw sentenza ta’ priġunerija wara li kienu għaddew ġuri. Zammit kien qal li ġie avviċinat minn Grech biex jieħu parti f’din il-biċċa xogħol. Qal li wara li aċċetta, kien reġa’ bdielu. Għaldaqstant, tkellem ma’ Grech u qallu li mhux se jipparteċipa fil-biċċa xogħol. Madankollu, Grech ikkonvinċieh li kulma kien se jagħmel kien li se jwassalhom biss.
Zammit qal li dakinhar kienu għaddew għalih it-tlieta l-oħrajn, iżda ma kienx ċert min minnhom kien qed isuq, jekk hux Vella jew Scerri. Spjega li x’ħin waslu San Ġwann, it-tlieta l-oħrajn niżlu mill-karozza u saqu lejn il-post b’karozza oħra. Wara li Zammit għamel xi ħin jistenna, hu telaq mill-post qabel ma l-għada, għall-ħabta tas-6am, sema’ li persuna kienet inqatlet quddiem il-Bank.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Keith Arnaud, filwaqt li l-Avukat Franco Debono qed jidher għall-akkużati.
//= $special ?>

