Internazzjonali Kurżitajiet

Riedu jsemmu lil uliedhom Nutella u Frawla

Qorti fi Franza niżlet b’id tal-ħadid fuq ġenituri li riedu jsemmu lil uliedhom għaċ-ċikkulata jew għall-frott, tant li ordnat lil żewġ familji biex jibdlu isem it-tarbija tagħhom. Koppja kienet iddeċidiet li ssemmi lil binthom Nutella u l-oħra Fraise (Frawla).

Il-każ ħareġ meta r-reġistratur ixxokkja ruħu meta żewġ ġenituri marru quddiemu u qalulu li lil binthom riedu jirreġistrawha bl-isem Nutella. Minnufih, hu ċempel lill-prosekutur lokali li ħa l-każ il-Qorti. L-Imħallef ta’ Valenciennes iddeċieda li jekk il-ġenituri jagħtu l-isem ta’ spread taċ-ċikkulata, dan ma jkunx fl-aħjar interess tat-tarbija tant li jesponuha għal żeblih u redikolu. Minkejja li l-ġenituri ma marrux għas-seduta tal-Qorti f’Novembru li għadda, l-Imħallef iddeċieda li t-tifla għandha tissemma Ella.

L-istess Qorti waslet għall-istess konklużjoni għall-isem Fraise, speċjalment minħabba li hemm espressjoni bil-Franċiż li tuża l-istess kelma b’riferiment għall-warrani. Il-ġenituri, f’dan il-każ, bidlu huma l-isem għal Fraisine, li kien isem eleganti u popolari fis-seklu dsatax.

Fi Franza, ġenituri jistgħu jagħtu liema isem iridu lil uliedhom imma mhix l-ewwel darba li reġistratur joġġezzjona għax iqis li isem partikolari jista’ jwaqqa’ lit-tarbija għaċ-ċajt. Fl-2009, familja ma tħallietx issemmi lil binhom għal karattru tal-cartoons Franċiżi, Titeuf għalkemm dan l-aħħar ħadd ma sab oġġezzjoni għal ismijiet għall-karattri ta’ Game of Thrones, bħal Khaleesi jew Joffrey.

Il-ġimgħa li għaddiet saħansitra sid ta’ żewġt iklieb kellu jbiddel isem l-annimali tiegħu għax intqal li dawn ingħataw ismijiet li jfakkru f’Adolf Hitler u ta’ dik li kienet il-partner tiegħu, Eva Braun. Minn Itler u Iva, sid il-klieb spiċċa biex bidlilhom isimhom għal Ilisa u Isio wara rapport tas-sindku tal-villaġġ fejn jgħix, Saint-Nicolas-de-Port.