Jirriżulta li wara pressjoni li saret mill-kumpaniji privati li jħaddmu lill-Gwardjani Lokali, il-Gvern issa biddel id-deċiżjoni tiegħu dwar il-White Paper fuq ir-Riforma tal-Gwardjani Lokali. Skont dak li ġie rrappurtat ukoll f’The Malta Independent On Sunday, il-Gvern warrab għalkollox il-pjanijiet li kien hemm biex il-Gwardjani Lokali jibdew jaqgħu taħt entità tal-Gvern.
Madankollu, issa l-Gvern iddeċieda li jagħżel kumpanija privata biex tmexxi l-Local Enforcement System (LES), li tkun taqa’ taħt Kumitat maħtur mill-Gvern. Din id-deċiżjoni wasslet biex ħafna mill-Gwardjani Lokali spiċċaw irrabjati għax filwaqt li taħt is-Segretarju Parlamentari José Herrera l-impjieg tagħhom kien se jibda jaqa’ taħt is-settur pubbliku, issa taħt is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo se jibqgħu mal-Privat.
Il-White Paper dwar ir-Riforma tal-Gwardjani Lokali kienet ippublikata fi Frar 2014, meta José Herrera kien Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali. Madankollu, wara reshuffle li Joseph Muscat għamel fil-Kabinett f’Mejju 2014, il-Kunsilli Lokali waqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ Stefan Buontempo.
B’rabta ma’ din il-kwistjoni, waqt il-laqgħa tal-Kabinett li nżammet dalgħodu f’Ħaż-Żebbug u li Muscat għamel mas-Sindki tal-lokalitajiet, is-Sindku tas-Siġġiewi Karol Aquilina qal li l-Gwardjani Lokali għandhom jerġgħu jaqgħu taħt ir-responsabbiltà diretta tal-Kunsilli Lokali. Aquilina sostna li b’hekk il-Kunsilli Lokali jkollhom kontroll fuq kwistjonijiet lokali, minkejja li l-iskop m’għandux ikun dak li l-Kunsill juża’ l-Gwardjani biex jagħmel il-flus.
//= $special ?>