Lokali

Żagħażugħ mill-Mali jammetti li uża dokumenti foloz biex jiġi Malta

Żagħażugħ ta’ 22 sena mill-Mali, ammetta li ffalsifika dokumenti biex jiġi Malta u ġie kkundannat 18-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin. Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qalet li f’każijiet oħra persuni li jagħmlu reat simili sentenza ta’ ħabs effettiva, imma dan ma jsirx f’każijiet ta’ ripatriazzjoni, minħabba li l-individwu jkun ta’ piż fuq is-sistema.

Kone Daouda ammetta li kellu fil-pusses tiegħu karta tal-identita’ Taljana li ma kienitx valida u passaport. Fil-Qorti ħareġ li r-raġel applika għal estensjoni tad-dokument ta’ residenza, iżda sa issa kien baqa’ ma ħariġx. Dan kien ikkonfermat mill-Pulizija.

Il-Qorti qalet li sakemm jintbgħat lura, għandu jibqa’ jinżamm taħt il-kustodja tal-Pulizija.

L-Ispettur inkarigat mill-Immigrazzjoni Frankie Sammut mexxa l-Prosekuzzjoni. L-Avukat Allessandro Lia deher għar-raġel mill-Mali.