L-aħħar żviluppi | 2.40pm: Intemm il-ħtif mit-terroristi li kienu qed iżommu numru ta’ ostaġġi fil-lukanda Corinthia ta’ Tripli. Rapporti fuq il-media qed jgħidu li t-terroristi nqatlu ftit tal-minuti ilu.
2.10pm: Is-sit tal-aħbarijiet Libya Observer ippubblikaw ritratti ta’ uħud mit-terroristi (ritratt lemin), meħuda mis-sistema tas-CCTV tal-lukanda.
Aktar kmieni …
Mill-anqas żewġ terroristi dalgħodu rnexxielhom jidħlu fil-lukanda Corinthia ta’ Tripli, fil-Libja. Dan wara li sparaw u qatlu lil mill-anqas tliet Uffiċjali tas-Sigurtà tal-lukanda u splodew karozza barra l-entratura tal-lukanda.
Rapporti qed jgħidu li t-terroristi għadhom maqbuda fl-20 sular tal-lukanda, f’ħidma minn forzi tas-sigurtà biex dawn jinqabdu. Madankollu, il-missjoni hi waħda delikata, hekk kif qed jiġi rrappurtat li t-terroristi qed iżommu mill-anqas ħames ostaġġi.
Fortunatament, il-Maltin kollha tal-lukanda ġew evakwati u jinsabu qawwijin u sħaħ. Min-naħa l-oħra, Libjan u żewġ Filippini sofrew xi feriti kawża tal-ħġieġ li nkiser mal-isplużjoni.
Impjegati tal-lukanda qed jiġu kkwotati mill-aġenziji internazzjonali tal-aħbarijiet li l-attakk sar minn ħames persuni b’wiċċhom mgħammad u lebsin ħwejjeġ bulletproof. Wara li qatlu lill-Uffiċjali tas-Sigurtà, it-terroristi daħlu fil-lobby tal-lukanda u qadu jisparaw bl-addoċċ lejn min kien hemm.
Kif irnexxielhom jaħarbu minn bieb sekondarju għaż-żona tal-parkeġġ, il-ħaddiema sabu karozza-bomba, li splodiet ftit metri biss ‘il bogħod minnhom. Ir-rapporti qed jgħidu wkoll li f’dawn il-jiem qed joqgħodu fil-lukanda numru ta’ Uffiċjali tan-Nazzjonijiet Uniti, li bħalissa għaddejjin b’laqgħat dwar is-sitwazzjoni politika preżenti fil-pajjiż.
L-ISIS jieħdu r-responsabbiltà
Sadanittant, aktar tard matul l-għodwa, l-Istat Iżlamiku (ISIS) qal li jerfa’ r-responsabbiltà għal dan l-attakk terroristiku. Fuq il-media soċjali, l-ISIS qal li dan l-attakk sar bi tpattija għall-qtil ta’ Abd al-Muhsin Al-Libi, magħruf ukoll bħala Ibrahim Tantoush, li allegatament kien mexxej tal-Al-Qaeda u li kien jifforma parti mil-Libyan Islamic Fighting Group.
Reazzjonijiet minn pajjiżna
Fi tweet, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil esprima s-solidarjetà tiegħu ma’ dawk kollha li jinsabu hemm.
Anke l-Prim Ministru Joseph Muscat ikkummenta fi tweet.
Stqarrija mill-Partit Nazzjonalista:
Fi stqarrija, ix-Shadow Minister għall-Affarijiet Ewropej u Barranin Roberta Metsola u l-Kelliem għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tal-Mediterran Tonio Fenech esprimew is-solidarjetà tagħhom mal-vittmi u mal-grupp Malti Corinthia.
Filwaqt li laqa’ l-aħbar li l-ħaddiema kollha, inkluż dawk Maltin, ġew evakwati mill-bini, il-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista qalu li ħsibijiethom huma mal-poplu fil-post. Sostnew li attakk “fuq l-għatba ta’ Malta” u fuq interessi ta’ negozju Malti fil-Libja hu ta’ inkwiet kbir. Dan juri li s-sitwazzjoni fil-Libja hi waħda fraġli u hemm bżonn tissaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta kontra t-terroriżmu.
Il-PN saħaq li Malta għandha żżomm sod quddiem dawn l-attakki kodardi, bl-Oppożizzjoni hi lesta tappoġġja lill-Gvern fl-appoġġ tiegħu għall-Unjoni Ewropea u għall-komunità internazzjonali biex jiġġieldu t-terroriżmu u jżarmaw networks terroristiċi.
Il-PN ħeġġeġ lill-Gvern biex juża’ l-mezzi kollha diplomatiċi ħalli jiżgura li l-Maltin li jixtiequ jirritornaw pajjiżhom ikunu jistgħu jagħmlu dan b’mod sigur u biex l-awtoritajiet Libjani jagħtu l-protezzjoni meħtieġa lill-interessi Maltin fil-Libja.
Stqarrija mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin:
Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin qal li qed isegwi mill-qrib is-sitwazzjoni li għaddejja bħalissa fil-lukanda ta’ Tripli, filwaqt li nnota b’sodisfazzjoni li l-impjegati Maltin huma kollha qawwijin u sħaħ.
Fl-istqarrija, il-Ministeru qal li jsostni l-appell maħruġ f’Awissu li għadda kontra kwalunkwe forma ta’ vjaġġar lejn il-Libja f’dawn l-aħħar żviluppi.