Id-data tas-27 ta’ Jannar tal-1945 għandha sinifikat mill-aktar partikulari. Fiha l-Armata l-Ħamra ta’ dik li kienet magħrufa bħala l-Unjoni Sovjetika rnexxielha tillibera l-persuni kollha miżmuma fil-kamp ta’ konċentrament Auschwitz-Birkenau.
Fost l-agħar kampijiet ta’ konċentrament imwaqqfa matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Fihom kienu jsiru atroċitajiet kbar u tal-waħx. Esperimenti fuq il-bniedem imħolli bil-ġuħ u bil-għatx u mneżża’ minn kull dinjità.
Illum jaħbat is-sebgħin anniversarju mill-waqgħa ta’ Auschwitz-Birkenau. Dawk kollha li kellhom l-opportunità li jżuru dan il-post – illum miftuħ għat-turisti u parti l-kbira minnu konvertita f’mużew – jirrakkuntaw esperjenza mill-aktar partikulari. Meta żortu snin ilu bqajt impressjonat għall-aħħar mhux biss b’dak li rajt, smajt, ħassejt u xammejt… imma anki bl-istejjer irrakkuntati li tassew iqajmulek ġismek xewk xewk.
Il-vittmi ta’ Olokawst jammontaw għal ċifra kbira. Magna ta’ qtil ta’ nies innoċenti. Irġiel, nisa, anzjani u tfal. Fil-mira l-aktar dawk ta’ nisel Lhudi.
Minn dik l-esperjenza l-Ewropa tgħallmet ħafna. Imbarkat fuq proġett kbir li kellu jwassal biex l-Ewropa tifforma identità ġdida bażata biss fuq il-paċi, l-għaqda, il-ħarsien tal-libertà u r-rispett reċiproku u ‘l bogħod minn kull gwerer, kunflitti, ġlied, razziżmu u intolleranza.
Jekk l-atroċitajiet li kienu jsiru f’Auschwitz-Birkenau llum huma parti mill-istorja, ma jfissirx li madwarna m’għandhomx ikunu mkasbra d-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Il-ġlieda r-reżistenza għal min ikasbar lill-bniedem, hu fejn hu, m’għandha tieqaf qatt.
L-Ukrajna: Ebda serħan il-moħħ
Fl-Isptar Mater Dei ltqajt ma’ Ukrena li sservi lill-pazjenti. Kelma ġġib lill-oħra u d-diskors bħaċ-ċirasa waqa’ fuq is-sitwazzjoni instabbli f’pajjiżna.
Qaltli li għandha l-familjari tagħha li qed jgħixu taħt tensjoni. Imorru jorqdu u ma jkunux jafu l-għada x’se jisbaħ. Qaltli li minkejja l-ħafna diskors ta’ solidarjetà u appoġġ, fosthom minn pajjiżi ġirien fl-Unjoni Ewropea, fis-sustanza l-poplu Ukren qed jitħalla waħdu. Il-ħajja fi Kiev m’għadhiex trankwilla kif kienet sa ftit taż-żmien ilu. F’din il-belt darba sabiħa llum jiddominaw is-sinjali tat-taqbida li saret ftit tax-xhur ilu. Binjiet mimlija ġmied u faċċati mkissra jisirqu l-attenzjoni.
Dak li qed nisimgħu dwar dak li qed jiġri fl-Ukrajna ma jqanqal l-ebda serħan il-moħħ. Minn mument għall-ieħor l-affarijiet jistgħu jitgħarrqu b’ħafna nies ikollhom l-għajxien tagħhom mhedded jew mitluf.
Is-separatisti appoġġjati mill-Armata Russa ftit huma lil hinn minn konfront militari mas-suldati Ukreni li qed iħarsu ‘l-pajjiżhom. Il-waqfien mill-ġlied – ħafna drabi kosmetiku – bejn iż-żewġ naħat m’għandux jibqa’ biss logħba jew xi ħaġa fraġli. Għandu jkun hemm impenn biex il-poplu Ukren jitħalla jgħix fil-kwiet u bla biża’.
Bla dubju ta’ xejn li fil-kwistjoni Ukrajna, l-Unjoni Ewropea tista’ tkun effettiva aktar…
Il-Greċja: Bil-wegħdi frivoli għar-rebħ tal-poter
Dak li ġara fil-Greċja fil-jiem li għaddew ma jammonta għall-ebda sorpriża. Dak li kien ilu jinħema u jkun antiċipat sa fl-aħħar avvera ruħu u llum dan il-pajjiż hu mmexxi mill-partit radikali Syriza li bi ftit ma kisibx il-maġġoranza assoluta tal-Parlament Grieg.
Il-wegħdi li l-Kap tas-Syriza Alexis Tsipras għamel lill-elettorat kienu kbar ħafna u l-mistoqsija hi waħda u ċara: Kemm se jkun kapaċi jwettaq dak li wiegħed? Kemm se jżomm kelmtu mal-elettorat?
Bla dubju li r-riżultat tal-Ħadd li għadda fil-Greċja ma niżel tajjeb xejn fost il-kumplament tal-membri tal-Unjoni Ewropea. Anzi, jekk irrid inkun aktar preċiż, dak hu riżultat tat-tħassib.
Bla dubju ta’ xejn li kemm l-Unjoni Ewropea, kemm il-Bank Dinji u anki l-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) huma fuq ix-xwiek biex jaraw x’direzzjoni se tibda ssegwi l-Greċja taħt it-tmexxija l-ġdida.
Is-sitwazzjoni hi kumplessa mhux ftit… u diġà kien hemm min osserva u qanqal is-suspett li l-kampanja li għamel Alexis Tsipras kienet bażata fuq ħafna gideb u wegħdiet frivoli bl-iskop preċiż biss li jirbaħ il-poter!
//= $special ?>