Internazzjonali

Film ta’ Alfred Hitchcock dwar l-Olokawst mistenni jinħareġ wara 70 sena

Film li ġie dirett minn Alfred Hitchcock, u li juri xeni reali miġbuda f’kampijiet ta’ konċentrament, mistenni jinħareġ għall-pubbliku għall-ewwel darba wara kważi 70 sena li matulhom inżamm mistur.

Il-film inġibed f’10 kampijiet ta’ konċentrament u f’4 postijiet oħra fl-Awstrija, fil-Ġermanja u fil-Polonja fl-1945. Kellu jkun dokumentarju uffiċjali tal-atroċitajiet li saru taħt ħakma Nażista u llum il-ġurnata hu meqjus ta’ “importanza storika kbira”. Ma kienx inħareġ dak iż-żmien minħabba biża’ li seta’ jqanqal reazzjonijiet għax kien meqjus politikament sensittiv. Dan l-aħħar ġie restawrat u mistenni jinħareġ fis-swali taċ-ċinema nkella direttament fuq DVD.

Kien inħadem mill-fundatur ta’ Granada Television, Sidney Bernstein, li kien iddeskriva lil Hitchcock bħala d-direttur tiegħu wara li kien għadda xhur sħaħ isegwi l-muntaġġ tiegħu. Xi sekwenzi tal-filmat kienu dehru f’films oħra, fosthom Night Will Fall, li ħareġ is-sena li għaddiet, waqt li l-film sħiħ intwera f’xi festivals limitati s-sena li għaddiet. Il-ħruġ tiegħu issa mistennija tkun fl-okkażjoni tas-70 anniversarju mill-ħelsien tal-kampijiet ta’ konċentrament, li urew il-kefrija ta’ atroċitajiet tal-Olokawst.