Lokali

Il-GRTU titlob laqgħa urġenti fuq il-prezz tal-fuels

Il-GRTU ħabbret li talbet lill-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) isejjaħ laqgħa b’urġenza fil-preżenza tal-Ministru konċernat biex issir diskussjoni dwar is-sitwazzjoni tal-prezzijiet tal-fuels.

Dan sabiex is-sitwazzjoni tkun kjarifikata u l-imsieħba soċjali u l-gvern, possibilment flimkien, joħorġu b’soluzzjonijiet konkreti.

Dan, qalet il-GRTU, wara li minn riċerka indipendenti li għamlet, irriżultalha li s-sitwazzjoni f’Malta fejn jidħol il-prezz tal-fuels iddeterjorat ħafna. Sitwazzjoni, li fi kliem il-GRTU, ilha għaddejja mis-sena l-oħra imma sal-ġimgħa li għaddiet, Malta kellha t-tielet l-ogħla prezz tad-diesel fl-Unjoni Ewropea, bid-diesel fil-Lussemburgu jinbiegh 40ċ inqas u bi 17-il pajjiz fejn id-diesel hu 20ċ irħas kull litru, u 23 pajjiż fejn hu 10ċ irħas.

Dan jaffetwa b’mod negattiv ħafna l-kompetittività ta’ Malta, tenniet il-GRTU.

Apparti li Malta, tkompli l-istqarrija, sad-19 ta’ Jannar ta’ din is-sena, kienet tikkwalifika bħala t-tielet pajjiż mit-28 stat membru bl-għola prezz tad-diesel, ta’ min jinnota wkoll li d-distakk mill-pajjiżi li jikklassifikaw agħar minn Malta naqas ħafna.

Mill-banda l-oħra, qalet il-GRTU, id-distakk mill-pajjiżi li jikklassifikaw aħjar minn Malta fil-prezz tad-diesel żdied, u jekk l-affarijiet jibqgħu kif inhuma, Malta ma ddumx ma ssib ruħha bl-aktar prezz għoli tad-diesel fl-Ewropa.

“Il-figuri huma dawk li huma”, qalet il-GRTU, waqt li temmet tgħid li l-intrapriżi Maltin bħalissa qed jitilfu opportunità tad-deheb li l-kompetituri tagħhom qed jiggwadanjaw minnha.