Għawdex Lokali

Il-GUG diżappuntat li ma sar xejn dwar it-trasport mgħaġġel bil-baħar

Il-Grupp Universitarji Għawdxin (GUG), fi stqarrija, esprima d-diżappunt tiegħu li minkejja diskussjoni dwar l-aċċessibilità bejn Malta u Għawdex, inkluż is-servizz mgħaġġel ta’ trasport bil-baħar imsemmi kemm-il darba mill-Prim Ministru Joseph Muscat, baqa’ ma sar xejn konkret dwar dan il-proġett.

Il-grupp fakkar li hu jaqbel bis-sħiħ ma’ servizz ta’ trasport mgħaġġel bil-baħar li jieħu l-passiġġieri direttament mill-port tal-Imġarr lejn il-Belt Valletta. Iqis li dan jiffranka ħafna ħin lill-istudenti u lill-ħafna ħaddiema li jistudjaw jew jaħdmu fi nħawi qrib il-belt kapitali.

Il-GUG fakkar fi kliem il-Prim Ministru, li qed isiru studji dwar dan is-servizz, imma rrimarka li ilhom għaddejjin għal żmien mhux ħażin. Għalhekk appella li dan jibda kemm jista’ jkun malajr għax il-gżira t’Għawdex qed tiffaċċja sfida fejn ħafna żgħażagħ qed jitilqu minnha.

Il-GUG qal ukoll li jixtieq jara progress fl-istudju ta’ fattibilità dwar it-tieni fibre optic cable bejn Malta u Għawdex, għax jekk dan isir, jgħin fil-ħolqien ta’ iktar postijiet tax-xogħol u opportunitajiet ta’ negozju f’Għawdex.