Lokali Parlament

Il-Gvern jibqa’ ma jżommx mal-wegħda li jippreżenta l-kuntratt dwar it-trasport pubbliku

Il-Ministru Joe Mizzi nfexx jattakka lill-Oppożizzjoni minflok ma għadda mill-kliem għall-fatti

Il-Ministru għat-Trasport u Infrastruttura reġa’ naqas li jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt dwar is-servizz tat-trasport pubbliku li diġà beda jitħaddem u ffirmat bejn il-Gvern u l-kumpanija Spanjola Autobuses Urbanos de Leon, minkejja li kien iddikjara li se jkun qiegħed ipoġġi l-kuntratt iffirmat hekk kif jibda jiltaqa’ l-Parlament f’din is-sena l-ġdida.

Minflok ma għadda mill-kliem għall-fatti u ppreżenta fil-Parlament kif wiegħed, kopja tal-kuntratt iffirmat, il-Ministru Joe Mizzi fit-tweġiba li ta lix-Shadow Minister Jason Azzopardi, infexx f’attakki u f’argumenti politiċi partiġjani fi tweġiba twila mingħajr ebda informazzjoni dwar xfih il-kuntratt.

Ix-Shadow Minister Jason Azzopardi staqsa lill-Ministru Joe Mizzi jqiegħed kopja tal-kuntratt li Transport Malta ffirmat mal-kumpanija Spanjola fid-dawl tad-dikjarazzjoni li kien għamel l-istess Ministru meta wiegħed fl-ewwel jiem ta’ din is-sena l-ġdida, li hu kien se jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt “appena l-Kamra tirriżumi xogħolha fit-tieni ġimgħa ta’ Jannar 2015”.

Il-mod fit-tul u l-kliem li l-Ministru Joe Mizzi uża fit-tweġiba tiegħu bil-miktub, issegwi l-insistenza li kien għamel il-ġimgħa li għaddiet fil-Parlament meta nġibditlu l-attenzjoni mill-Ispeaker biex ikun konċiż fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet supplimentari waqt il-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari.

L-istess mistoqsija kienet saret diġà lill-Ministru Mizzi mix-Shadow Minister Marthese Portelli, nhar it-Tlieta tal-ġimgħa li għaddiet, bir-risposta tal-Ministru kienet dik id-darba xotta, u qal biss li l-informazzjoni (dwar il-kuntratt iffirmat) tingħata f’seduta oħra.

Ft-tweġiba li ta llejla bil-miktub, il-Ministru Joe Mizzi reġa’ ddefenda wkoll iż-żjara li għamel fi Spanja għand il-kumpanija li llum qed tmexxi s-servizz tat-trasport f’pajjiżna, waqt li kien għadu għaddej il-proċess ta’ għażla tal-kumpaniji li kienu wrew interess u tefgħu l-proposta tagħhom biex imexxu s-servizz tat-trasport pubbliku, u li fosthom kien hemm ukoll konsorzju Malti.