Lokali

Il-Gvern jikser il-liġi meta suppost jara li ħadd ma jiksirha

Il-Partit Nazzjonalista jesprima t-tħassib serju tiegħu li anke fil-qasam tal-ġustizzja, l-Gvern qed imexxi bl-eżempju l-ħażin, u l-Gvern stess, allegatament qed jikser il-liġi li suppost qed jara li tkun osservata minn kulħadd.

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija f’isem ix- Shadow Minister tad-Drittijiet taċ-Ċittadini, il-Ġustizzja u d-Demokrazija Jason Azzopardi saħaq li, l-Protest Ġudizzjarju li kważi ħamsin avukat ippreżentaw illum kontra l-Ministru tal-Ġustizzja hu ta’ inkwiet mhux żgħir, u bla preċedent, għax jirrelata dwar il-ksur ta’ prinċipju għażiż f’kull demokrazija.

Il-fatt li l-Ministru tal-Ġustizzja jemmen li hu ‘l fuq mill-Liġi u jagħti ordni lill-Qrati Maltin u Għawdxin biex mill-1 ta’ Jannar 2015 jinsistu għal ħlas ta’ tariffi ogħla minn min juża s-servizzi tal-Qrati tagħna u li ma joħorġu minn ebda liġi approvata mill-Parlament turi mentalità ta’ Gvern li jiġi jaqa’ u jqum mill-liġi.

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li llum diġà ilna 27 jum mill-bidu tas-sena bil-Gvern jiġbor taxxi bil-moħbi tan-nies mill-Qrati tagħna bla ebda approvazzjoni tal-Parlament.

Il-Partit Nazzjonalista jistaqsi : jekk il-Gvern stess, li suppost imexxi bl-eżempju, jikser sfaċċatament il-liġi meta għandu d-dmir jara li kulħadd josserva l-liġi, x’eżempju qed jagħti lil min ikun imħajjar jieħu l-liġi b’idejh?

Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista kkonkluda li qiegħed jinsisti li l-Gvern iwaqqaf dawn it-tariffi minnufih u jirrifondi l-flus illegali li ġew imġiegħla jħallsu n-nies mill-1 ta’ Jannar 2015 sal-lum.