Il-Pulizija qed tipproċedi kontra zoo illegali fil-kumpless Monte Cristo fejn qed jinżammu għadd ta’ annimali kbar eżotiċi li mhux qed jgħixu fl-abitat naturali tagħhom.
Dan kien ikkonfermat fil-Parlament meta d-Deputat Nazzjonalista Mario Galea, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar id-Drittijiet tal-Annimali, qajjem il-każ f’mistoqsija parlamentari lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela.
Id-Deputat Nazzjonalista irrifera għar-rapporti li dehru fil-media, fosthom f’The Sunday Times tal-Ħadd, 18 ta’ Jannar 2015, fejn f’paġna 11 kien irrappurtat li f’zoo illegali fil-kumpless Monte Cristo qed jinżammu għadd ta’ annimali kbar eżotiċi li mhux qed jgħixu fl-abitat naturali tagħhom.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni staqsa lill-Ministru jgħid għaliex il-pulizija baqgħet ma ħaditx passi legali u dan meta qed jiġi rrappurtat li f’April tas-sena l-oħra, is-servizzi veterinarji kienu diġà kitbu lill-Kummissarju tal-Pulizija u talbuh jieħu passi legali kontra s-sid ta’ dan iż-zoo illegali.
Staqsa jekk il-Pulizija ħaditx passi hekk kif qed jiġi rrappurtat li l-annimali żdiedu mhux naqsu, tant li f’Ottubru li għadda żdiedu aktar annimali eżotiċi fosthom żewġ tigri u panda. Staqsa wkoll jekk hix issir, jew saritx investigazzjoni kif dawn l-annimali eżotiċi qed jidħlu Malta.
Il-Ministru Carmelo Abela wieġeb li l-ittra sabiex il-Pulizija tipproċedi kontra s-sid ta’ dan iz-zoo, intbagħtet mis-servizz veterinarju fit-18 ta’ Lulju 2014, u mhux kif qed jingħad f’April tal-2014.
Kien hemm taħditiet bejn il-Pulizija u s-Servizzi Veterinarji dwar il-każ. Il-Pulizija minn naħa tagħha bdiet tindaga dan il-każ mill-ewwel. Minn naħa tas-servizz veterinarji dejjem ġie ssuġerit li jkun magħruf ir-riżultat finali mil-laqgħat li kienu qed isiru bejn is-servizz veterinaru u s-sid, qabel tittieħed xi azzjoni. Issa li l-Pulizija għandha l-konferma ser tipproċedi.
//= $special ?>