Il-Qorti tal-Maġistrati ddikjarat li f’Marzu li ġej se tiddeċiedi jekk għandhomx jittieħdu proċeduri kriminali kontra l-ex Direttur Ġenerali tal-GRTU Vince Farrugia. Dan wara li Sandro Chetcuti, l-President tal-Malta Developers Association ippreżenta sfida fil-Qorti kontra l-Kummissarju tal-Pulizija, fejn qed jallega li Farrugia kien ta xhieda falza fil-kumpilazzjoni tiegħu meta hu kien ġie qed jiġi mixli bl-attentat ta’qtil, fil-konfront tal-ex Direttur Ġenerali tal-GRTU. Fit-18 ta’ Settembru tal-2013 huwa ma kienx instab ħati ta’ attentat ta’ qtil u nstgab ħati li kkaġuni lil Farrugia ferita ħafifa.
L-iżviluppatur Sandro Chetcuti minn Wied il-Għajn, ippreżenta rikors fil-Qorti tal-Maġistrati f’dik li sejjaħ sfida lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jittieħdu passi kontra l-ex Direttur Ġenerali tal-GRTU fuq sperġur, jiġifieri li ta evidenza qarrieqa fil-Qorti.
Chetcuti qed jitlob biex Farrugia jiġi mixli li nfluwenza x-xhieda biex jixhdu bil-falz u fabbrikar ta’ evidenza falza.
Xehdet fil-każ Sylvia Gauci, ex membru tal-Kunsill tal-GRTU li qalet li kienet bidlet il-verżjoni tax-xhieda tagħha, għax hekk ħasset li tagħmel fil-kuxjenza tagħha. Qalet li hi u sħabha tal-GRTU kienu marru l-Għassa tal-Pulizija tal-Belt jagħmlu rapport biex biex jgħidu x’ġara. Dak li kellhom jgħidu kien miftiehem bejneithom u l-ewwel darba hi qalet li rat lil Vince Farrugia jaqla’ bil-ponn, imma dan ma kienx minnu, għax il-ġlieda bdiet meta hi ħarġet mill-kamra.
Xehed ukoll Emmanuel Cassar, ex Assistent Kummissarju tal-Pulizija, li jiġi missier il-mara ta’ Sandro Chetcuti li esebixxa fil-Qorti numru ta’ SMS’s li saru mill-espert tal-Qorti Martin Bajada, u li għalih huma relevanti fil-każ, SMS’s li kienu ntbagħtu minn Vince Farrugia.
Fit-18 ta’ Settembru tas-sena l-oħra, Chetcuti instab ħati li kkaġuna feriti ħfief fuq Vince Farrugia, meta ħebb għalih fl-uffiċju tiegħu fl-2010. Huwa kien kundannat xahar ħabs sospiżi għal sena u li ma jkellimx jew ma jersaqx lejn Vince Farrugia permezz ukoll ta’ ordni ta’ protezzjoni ta’ €1,000. Id-deċiżjoni dwar jekk għandhomx jittieħdu proċeduri kontra Vince Farrugia mistennija għal 25 ta’ Marzu li ġej.
//= $special ?>