Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni titlob spjegazzjoni dwar in-nuqqas tal-Ministru Konrad Mizzi fil-Parlament

Iwieġeb dwar iż-żjara ta’ Konrad Mizzi organizzata mill-mara tiegħu fiċ-Ċina, il-Ministru għat-Turiżmu Zammit Lewis u mhux is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearn

L-Oppożizzjoni nsistiet mal-Gvern biex jispjega n-nuqqas tal-preżenza tal-Ministru għas-Saħħa u l-Enerġija Konrad Mizzi li għal darb’oħra llejla ma kienx preżenti fil-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari fil-ħin ukoll li kienu qed isirulu għadd ta’ mistoqsijiet supplimentari marbuta mat-tweġibiet li ta bil-mitkub.

Għal din l-insistenza, il-Gvern ma kellux risposta filwaqt li l-whip tal-Grupp tal-Gvern ikkonferma li l-Ministru Konrad Mizzi mhux imsiefer fuq xogħol tal-Ministeru.

Il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius ġibed l-attenzjoni tas-Sedja u tal-Kamra dwar in-nuqqas ta’ preżenza fil-Kamra tal-Ministru Konrad Mizzi meta wkoll ikollu tweġibiet x’jagħti lill-Kamra mressqa mill-membri tal-Oppożizzjoni.

David Agius irrimarka li hu fl-obbligu tal-Oppożizzjoni li tagħmel il-mistoqsijiet li jidhrilha li huma xierqa bħala riżultat tat-tweġibiet li jingħataw mill-Ministri tal-Gvern hekk kif talab b’mod ċar lill-Gvern jagħti spjegazzjoni għaliex il-Ministru Konrad Mizzi mhux fil-Parlament.

Il-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Gvern, id-Deputat Laburista Godfrey Farrugia, qal li l-Ministru Konrad Mizzi mhux imsiefer fuq xogħol tal-Ministeru.

Fin-nuqqas tal-Ministru Konrad Mizzi, filwaqt li l-ewwel grupp ta’ mistoqsijiet marbuta mal-Isptar tal-Onkoloġija f’Mater Dei indirizzati lill-Ministru Konrad Mizzi twieġbu mis-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearn, li jwieġeb għall-isess Ministru Konrad Mizzi, fil-każ ta’ mistoqsijiet oħra li saru wara b’rabta ma’ żjara tal-Ministru Konrad Mizzi fiċ-Ċina, kien il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis li qara t-tweġibiet u wieġeb għall-mistoqsijiet supplimentari tal-Oppożizzjoni.

Għall-mistoqsijiet supplimentari dwar iż-żjara tal-Ministru Mizzi fiċ-Ċina, imressqa mix-Shadow Minister Claudette Buttigieg kif ukoll mill-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius, is-Segretarju Parlamentari fl-istess Ministeru ta’ Konrad Mizzi responsabbli mis-Saħħa, baqa’ bilqiegħda fil-bankijiet ta’ wara tal-Gvern.

Il-Ministru Zammit Lewis, filwaqt li ddefenda l-mod kif wieġeb sieħbu l-Ministru Mizzi, wieġeb li ma kellux l-informazzjoni għall-mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni li kienu ċari – biex il-Ministru Konrad Mizzi jgħid min kienu l-membri tad-delegazzjoni li ħa miegħu fiċ-Ċina.

Fir-risposta li ta bil-miktub il-Ministru Konrad Mizzi, issemma li l-laqgħat taż-żjara tiegħu u d-delegazzjoni Maltija li mexxa, kienet organizzata mill-mara tal-istess Ministru Konrad Mizzi, Sai Mizzi Liang, mill-Konsolat Ġenerali ta’ Malta f’Shangai. Sai Mizzi Liang għandha salarju ta’ €13,000 fix-xahar.

Ix-Shadow Minister Claudette Buttigieg irrimarkat li r-risposta li ta bil-miktub il-Ministru Konrad Mizzi, ma tweġibix il-mistoqsija sempliċi li għamlet. Claudette Buttigieg talbet lill-Ministru Konrad Mizzi jgħid min kien parti mid-delegazzjoni li żaret iċ-Ċina u li kienet rappurtata fil-gazzetta Ċiniża China Daily tad-9 ta’ Jannar ta’ din is-sena, u xkien ir-rwol ta’ kull rappreżentant tad-delegazzjoni Maltija.

Il-Ministru Konrad Mizzi ma weġibx il-mistoqsijiet li ressqet bil-miktub ix-Shadow Minister Claudette Buttigieg, u minflok, iddevja fl-informazzjoni li ta għal dak li kien mitlub iwieġeb dwaru u qal x’laqgħat saru u minn min kienu organizzati.

Għat-talba tal-Oppożizzjoni lis-Sedja biex ikun assigurat li jingħataw it-tweġibiet mill-Gvern, id-Deputat Speaker Ċensu Galea qal li s-Sedja qed tieħu nota ta’ kull ma ntqal u li kulħadd jista’ jasal għall-konlużjonijiet dwar dak li ntqal fil-Kamra.