Moffa fuq sufan f’residenza fix-Xgħajra wasslet biex eskalat ġlieda bejn koppja u s-sidien tal-appartament mikri, bil-mara li dak il-ħin kienet qiegħda għand l-ex partner tagħha, tispiċċa l-Isptar Mater Dei ssofri minn ġrieħi gravi. Charmaine Muscat spiċċat b’għadma ta’ jdejha x-xellugija miksura wara li qalgħet xeba’ mingħand ir-raġel ta’ sid il-kera.
Carmelo Delia ta’ 55 sena minn Ħaż-Żabbar ġie kundannat 15-il xahar ħabs, sospiżi għal tliet snin, wara li nstab ħati li fit-8 ta’ Novembru tal-2011, għall-ħabta tal-5.15 p.m. ħebb għal Charmaine Muscat u kkaġunalha ġrieħi ta’ natura gravi. Huwa nstab ħati wkoll li ħebb għal Adrian Farrugia u kkaġunalu ġrieħi ħfief u li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied.
Il-każ seħħ wara li Muscat, li kienet fl-appartament ta’ Adrian Farrugia, l-ex sieħeb tagħha, ċemplet lil Joyce Delia, sid il-post, u qaltilha li s-sufan kien immuffat u li dan ma kienx tajjeb minħabba li kien hemm bintha li kellha sentejn.
Sid l-appartament, Joyce Delia, li toqgħod fl-istess blokka ta’ appartamenti, marret fir-residenza u hemm qamet ġlieda kbira quddiem tifla ta’ sentejn, bint Charmaine Muscat u Adrian Farrugia.
Fix-xhieda tagħha, Muscat qalet li f’ħin minnhom, daħlu Carmelo Delia u ibnu. Ibnu taha daqqa u l-imputat ukoll qabadha mill-flokk u beda jsabbatha mal-ħajt. Qalet li f’ħin minnhom, Carmelo Delia qabad siġġu u qalilha li kien se joqtlilha lit-tifla. Ix-xhud qalet li l-mara tal-imputat ma messithiex.
Muscat qalet ukoll li meta ċemplet lill-ex sieħeb tagħha, Farruga wasal fil-post u l-irġiel bdew jagħtu lilu. Spjegat li hi marret biex tferraq lit-tlett irġiel waqt li tenniet li “dak ir-raġel” hedded li joqtolha, beda jagħtiha bil-ponn u hi bdiet tipprova tilqgħu. Qalet ukoll li kaġun tal-ġrieħi li għamlilha Delia, hi spiċċat biex ġiet operata f’idha x-xellugija u għadha qed tbati biha s’issa.
Waqt li kkonferma l-verżjoni tal-ex sieħba tiegħu, Adrian Farrugia qal li kif wasal fil-post sab lil Muscat tibki u kellha l-flokk imqatta’ u d-demm ħiereġ minn imneħirha. Qal li meta hu talabhom biex joħorġu mill-appartament, l-imputat beda jagħtih u qallu li hemmhekk kien ħwejġu. Irrakkonta kif Delia avviċċinah l-ewwel u tah daqqa ta’ ponn ġo wiċċu. Sostna wkoll li xħin qalilhom li kien se jċempel lill-Pulizija, waqfu milli jagħtuh.
Carmelo Delia, min-naħa l-oħra, fix-xhieda tiegħu qal li martu, hu u binhom marru biex jiġbru l-kera mingħand Charmaine Muscat iżda f’ħin minnhom sema’ għajjat u dagħa minn Muscat waqt li ibnu qallu li ommu kienet qed tgħajjat. Qal li ibnu daħal għal ommu, li kienet mal-art, u xħin ipprova jidħol fl-appartament, Muscat bdiet tagħtih bit-takkuna fuq widnejh. Delia ċaħad li f’xi ħin refa’ jdejh fuq Muscat.
Mistoqsi dwar il-ġrieħi f’wiċċ Muscat, l-imputat qal li ma kienx jaf minn fejn kien ġie l-ksur u tenna li meta wasal Adrian Farrugia, dan ta daqqa ta’ ponn lil ibnu.
Waqt li nnutat li x-xhieda ta’ Chairmaine Muscat hija aktar kredibbli, il-Qorti qalet li l-atteġġjament tal-imputat fil-konfront ta’ Muscat u Farrugia seta’ jiġi evitat għax il-vjolenza m’għandhiex tiġi ttollerata. Il-Qorti qalet ukoll li kienet qed tagħti sentenza sospiża bil-għan li l-imputat jifhem li dak li għamel kien ħażin ħafna u ma jerġax jirrepetih. Rabtitu b’garanzija personali ta’ €1,000 għal żmien sena mil-lum fil-konfront ta’ Muscat u Farrugia.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Robert Said Sarreo.
//= $special ?>