Lokali

Niżvelaw dak li l-Gvern u l-Pulizija ma jridux jippubblikaw

Il-Gvern – kemm l-eks-Ministru Manwel Mallia kif ukoll il-Ministru attwali Carmelo Abela – jibqgħu jaħarbu milli jippubblikaw l-Inkjesta dwar il-każ ta’ Daryl Luke Borg. L-eks-Kummissarju Pietru Pawl Zammit, l-eks-Aġent Kummissarju Ray Zammit u l-Kummissarju tal-Pulizija attwali Michael Cassar żammew moħbija l-eżitu ta’ Inkjesta li llum se niżvelaw xi tgħid.

Minkejja li ilha lesta sa mill-aħħar ta’ Settembru tal-2013, l-Inkjesta dwar il-każ ta’ Daryl Luke Borg baqgħet qatt ma kienet pubblikata. U dan minkejja talbiet persistenti biex il-Gvern jew il-Pulizija – jekk ma għandhom xejn x’jaħbu – jippubblikaw l-eżitu ta’ din l-Inkjesta.

Illum In-Nazzjoni,qiegħed jippubblika partijiet minn din l-Inkjesta li, fost l-oħrajn, tikkritika bl-aktar mod aħrax lid-Dipartiment Investigazzjonijiet Kriminali tal-Pulizija għall-għaġla u n-nuqqas ta’ għaqal fl-investigazzjonijiet dwar is-serqa ta’ nhar il-Ħadd, 4 ta’ Awwissu tal-2013 meta persuna kien daħal fil-ħanut ‘The Convenience Shop’ fi Triq Monsinjur Alfred Mifsud kantuniera ma’ Triq il-Karmnu, f’Birkirkara, u wettaq hold-up.

Dwar dak il-hold-up id-Dipartiment Investigazzjonijiet Kriminali tal-Pulizija kien għamel investigazzjonijiet mill-aktar mgħaġla li wasslu biex Daryl Luke Borg, li dak iż-żmien kellu 27 sena, minn Birkirkara, jitressaq il-Qorti akkużat b’dan il-hold-up u eventwalment jinżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin minħabba li t-talba għall-ħelsien tiegħu kienet ġiet rifjutata.

Minn investigazzjonijiet li għamel In-Nazzjon jirriżulta li fir-rapport ippreżentat lill-eks Kummissarju tal-Pulizija Pietru Pawl Zammit fl-aħħar ta’ Settembru tal-2013, l-Assistent Kummissarju Neville Aquilina – li kien inħatar direttament mill-eks Kummissarju Pietru Pawl Zammit biex jagħmel din l-Inkjesta, kien ippreżenta rapport estensiv wara li kellem numru ta’ persuni relatati ma’ dan il-każ.

Fil-fatt fir-rapport ippreżentat f’din l-Inkjesta – liema rapport baqa’ dejjem miżmum taħt segretezza liema bħalha – l-Assistent Kummissarju Neville Aquilina jagħti rendikont tal-persuni li ltaqa’ magħhom u li mingħandhom ġabar informazzjoni importanti u li tifforma parti minn din l-Inkjesta.

Jidher li l-investigazzjonijiet flok imxew id f’id, saru b’mod indipendenti minn ta’ xulxin u l-koordinazzjoni ma kinetx fl-aqwa tagħha. Jirriżulta li bejn il-Pulizija mhux biss kien hemm nuqqas ta’ ftehim galor, imma kien hemm ukoll nuqqas kbir ta’ komunikazzjoni b’tali sitwazzjoni li l-id il-leminija ma kinetx taf x’qed tagħmel l-id ix-xellugija.

Saru arresti kemm mill-Pulizija tad-Dipartiment Investigazzjonijiet Kriminali fejn l-istħarriġ kien qiegħed isir mill-Ispetturi Carlos Cordina u Joseph Mercieca, kif ukoll mid-Distrett fejn l-investigazzjonijiet kienu qed jitmexxew mill-Ispettur Elton Taliana.

Jirriżulta li fil-kors tal-investigazzjonijiet immexxija mill-Pulizija tad-Dipartiment Investigazzjonijiet Kriminali, iż-żewġ Spetturi arrestaw liż-żagħżugħ Daryl Luke Borg li hu wkoll minn Birkirkara. Hu kien interrogat diversi drabi u dejjem ċaħad kull involviment f’dan il-hold-up.

Madankollu jidher li ż-żewġ investigaturi – għal raġunijiet li jafu huma – kienu aktar minn ċerti li kien Daryl Luke Borg li wettaq il-hold-up tal-Ħadd ta’ qabel fuq ‘The Convenience Shop’ f’Birkirkara.

Id-dettalji kollha fin-Nazzjon tal-lum.