Lokali Qorti

Protest minn 45 avukat fuq tariffi ġodda fil-Qorti li dwarhom m’għaddiet l-ebda liġi

Ħamsa u erbgħin avukat ippreżentaw protest fil-Prim’Awla Ċivili dwar tariffi ġodda ferm aktar għolja li daħlu fis-seħħ fil-Qorti mingħajr ma għaddiet l-ebda liġi.

L-avukati ppreżentaw il-protest kontra l-Ministru għall-Ġustizzja u s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Ġustizzja, id-Direttur Ġenerali tal-Qrati, ir-Reġistratur tal-Qrati Ċivili u Tribunali u r-Reġistratur tal-Qrati u Tribunali.

L-Avukati qed jitolbu rifużjoni tal-ħlasijiet żejda li saru b’mod abbużiv u qed iżommu lill-awtoritajiet responsabbli għad-danni li qed isofru bla bżonn. Dan, qed isostnu, peress li l-bidla fit-tariffi saret b’mod illegali, fejn sa issa tħallsu ammonti lir-Reġistri tal-Qrati Maltin.

Il-protest, li kien iffirmat mill-Avukat Edward Debono f’isem l-avukati, jgħid li r-Reġistri tal-Qrati Superjuri u tal-Qorti tal-Maġistrati f’Malta u f’Għawdex, fuq ordni tal-awtorijiet tal-Qorti, mill-1 ta’ Jannar bdew jeżiġu mingħand il-klijenti, drittijiet u tariffi li mhumiex dawk imsemmija fil-Kodiċi ta’ Organiżazzjoni u Proċeduri Ċivili, u li dawn ħafna drabi huma ogħla minn dawk stipulati fil-Kodiċi msemmi.

Il-protest jgħid ukoll li d-drittijiet u tariffi ġodda li qed ikunu ordnati huma llegali peress li l-Parlament ma approva l-ebda liġi li ġġib fis-seħħ dawn id-drittijiet u tariffi ġodda u differenti minn dawk li sal-lum jinsabu elenkati fil-Kodiċi ta’ Organiżazzjoni u Proċedura Ċivili. Jgħid ukoll li wisq anqas inġab il-kunsens tal-President tar-Repubblika.

Il-protest qed jgħid ukoll li dan l-aġir bla preċedent jissupera l-iskop tal-poteri tal-amministrazzjoni, huwa aġir illegali u dannuż għax ma fih ebda bażi legali. Jispeċifika li dak li seħħ qed jesponi lill-avukati għal danni u kumplikazzjonijiet legali mill-klijenti tagħhom, li qed jispiċċaw jintalbu jħallsu ħlas differenti minn dak li l-liġi għadha titlob sal-lum.

Il-protest jgħid ukoll li l-awtoritajiet tal-Qrati għandhom l-obbligu li bħala rappreżentanti tal-Qrati tal-Ġustizzja f’pajjiżna, josservaw il-liġi u mhux jistigaw u jesiġu dak li l-Liġi ma tagħtihom l-ebda dritt jitolbu, b’konsegwenza li jistgħu jkunu kompliċi fil-ksur tal-liġi meta għandhom id-dmir li jaraw li l-liġi tkun osservata minn kulħadd.

Jingħad ukoll li l-istat għandu l-obbligu li ma jippermettix li d-drittijiet taċ-ċittadini jiġu mittiefsa meta mhux intitolati mill-istess liġi, u allura għandu jipprovdi r-regoli u l-mekkaniżmi legali korretti fi stat fejn “ir-rule of law” għandu jipprevali.