Futbol Sport

Tarxien ikabbru l-kriżi Qormija

TARXIEN R…….2
QORMI……………1

Tarxien: J. Debono, M. Caruana, T. Caruana, F. Aboulezz (M. Tabone 65’), E. Casado (K. Farrugia 91’), C. Hevia Menendez, J. Angel Pereira, I. Grech, A. Cini, D. Obinna (R. Sammut 85’), M. Acevedo

Qormi: M. Farrugia, M. Mazzetti Latini (M. Lima de Mattos 85’), J. Chetcuti (S. Agius 88’), A. Effiong, C. Gauci, F. Temile, Z. Levnaic, D. Pisani, J. Bondin, B.Berntsson, L. Grech (R. Micallef 71’)

Imwissija: L. Grech 24’, D. Pisani 34’, J. Bondin 50’ (Q), A. Cini 32’, C. Hevia Menendez 52’, E. Casado 55’, M. Tabone 83’, T. Caruana 92’ (T)
Tkeċċa: C. Hevia Menendez 60’ (T)
Skorjaw: A. Effiong 14’ (Q), C. Hevia Menendez 32’, M. Tabone 82’ (T)
Referee: Adrian Azzopardi
In-Nazzjon Plejer tal-Logħba: Eduardo Casado (Tarxien R.)

Tarxien Rainbows kisbu rebħa prezzjuża u importanti meta bi plejer anqas, għelbu lil Qormi 2-1 biex kisbu t-tieni riżultat utli u qabżu lill-istess Qormi u Naxxar fil-klassifika. Għal Qormi, kienet is-sitt telfa konsekuttiva u l-11-il logħba mingħajr rebħa biex komplew jiżdiedu l-problemi għalihom.

Il-partita ddiżappuntat, bi ftit azzjonijiet, iżda wara li Qormi kellhom superjorità numerika, kien mistenni li jattakkaw aktar u minflok sofrew il-gowl fl-aktar mument importanti.

Il-kowċ ta’ Tarxien, Clive Mizzi beda b’Jonathan Debono flok Sean Mintoff filwaqt li Ishmael Grech u Darlington Silva bdew flok Ryan Sammut u Matthew Tabone. Josef Mansueto għamel żewġ bidliet ukoll bl-Iżvediż Billy Berntsson u Leighton Grech jiddebuttaw flok Edafe Uzeh u Emerson Vella.

Qormi fetħu l-iskor fl-14-il minuta meta ALFRED EFFIONG għeleb lil Debono b’xutt fil-baxx. Iżda Tarxien wettqu reazzjoni u fil-21 minuta CARLOS HEVIA MENENDEZ dar ma’ difensur u b’xutt sabiħ fir-rokna minn tarf il-kaxxa kiseb id-draw.

Tarxien marru viċin fit-33 minuta meta Aboulezz sab spazju minn pożizzjoni ċentrali, iżda l-konklużjoni għaddiet ftit għoli.

Imma mas-siegħa logħob Tarxien kellhom ikomplu b’għaxar plejers meta Carlos Hevia Menendez ġie muri t-tieni karta safra.

Fis-77 minuta, free-kick fil-baxx ta’ Mazzetti ġie salvat minn Mintoff u żewġ minuti wara Qormi laqtu l-mimduda minn Joseph Chetcuti. Qormi komplew u minuta wara minn korner ta’ Temile, l-Iżvediż Berntsson bir-ras xeħet ftit barra.

Iżda kontra x-xejra tal-logħob kienu Tarxien li skorjaw il-gowl tar-rebħa fit-82 minuta meta minn kross ta’ Eduardo Casado, is-sostitut MATTHEW TABONE żmarka ruħu tajjeb u b’daqqa ta’ ras għeleb lil Farrugia.