Lokali

Żewġ ħaddiema tal-Enemalta sospiżi b’rabta ma’ serq ta’ elettriku

Żewġ ħaddiema tal-kumpanija Enemalta plc ġew sospiżi fl-aħħar sigħat u d-dettalji tagħhom ġew mgħoddija lill-Pulizija minħabba li hemm suspett li għenu klijenti biex jisirqu l-elettriku.

L-Enemalta stess qalet dan fi stqarrija hekk kif sostniet li l-każ kien identifikat wara stħarriġ minn tim dedikat ta’ ħaddiema li qed jaħdem biex inaqqas is-serq tal-elettriku.

Il-kumpanija fakkret li s-sena li għaddiet nediet għadd ta’ miżuri li wasslu biex it-telf minn serq ta’ elettriku tnaqqas bi 33%. Żiedet ir-riżorsi biex tagħmel aktar spezzjonijiet għall-għarrieda u biex teżamina suspetti ta’ abbuż. Bdiet ukoll tagħmel użu minn għodda speċjalizzata biex taqbad l-irregolaritajiet fil-qari tal-konsum tal-elettriku.

Il-kumpanija qalet ukoll li f’Settembru, il-Gvern saħħaħ il-ħidma tal-Enemalta meta biddel ir-regolamenti dwar is-serq tal-elettriku biex żdiedu l-pieni għal dawk li jinqabdu b’dan ir-reat. Il-multi żdiedu minn 10% tal-prezz tal-elettriku misruq għal 200%.

Enemalta qalet li hi tibqa’ tħeġġeġ lil dawk li jafu b’xi irregolarità biex jitkellmu magħha u jgħaddu t-tagħrif ħalli l-każ jiġi mistħarreġ. Jistgħu wkoll jirrapurtaw is-serq tal-elettriku b’mod anonimu permezz tas-sit tagħha.