Quddiem il-Bord tal-Addozzjonijiet hemm 15-il każ pendenti ta’ koppji jew individwi li qed jistennew sabiex ikunu jistgħu jaddottaw tfal.
Minn dawn, hemm 11-il każ ġdid li għad trid tittieħed deciżjoni fuqhom, tliet każijiet li jridu jiġu aġġornati wara li għaddiet sena, jew sentejn, mill-ewwel approvazzjoni, u każ wieħed pendenti li l-Bord qiegħed jistenna aktar informazzjoni dwaru.
Din l-informazzjoni ngħatat fil-Parlament għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar.
Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, Michael Farrugia qal ukoll għal aktar mistoqsijiet tad-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, li matul is-sena li għaddiet il-Bord għall-Addozzjoni ltaqa’ 17-il darba.
Mitlub jindika liema huma l-pajjiżi li fuqhom hemm restrizzjonijiet sabiex tfal minnhom jistgħu jiġu addottati minn koppji Maltin, il-Ministru Farrugia qal li l-Awtorità Ċentrali tikkonsulta mal-Hague Conference, mal-International Social Services (ISS) u l-UNICEF dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiżi li minnhom ikunu qed isiru adozzjonijiet internazzjonali.
Jista’ jiġri li xi pajjiżi jwaqqfu l-addozzjonijiet minn pajjiżhom lejn pajjiżi oħra, u allura din ir-restrizzjoni ma tkunx biss fil-konfront ta’ Malta.
Mitlub jgħid ukoll minn liema pajjiżi barranin jistgħu jaddottaw tfal koppji Maltin, tfisser li Malta għandha Memorandum of Understanding (MOU) mal-Albanija u mas-Slovakkja. L-Aġenziji akkreditati għandhom kuntatti diretti ma’ pajjiżi oħrajn.
//= $special ?>