Lokali Qorti

3 ħaddiema oħra tal-Enemalta l-Qorti fuq “by-pass” ta’ metres tad-dawl

It-tliet ħaddiema li fl-aħħar sigħat ġew sospiżi mill-Enemalta fuq suspett li għenu klijenti biex jisirqu l-elettriku, tressqu l-Qorti mixlija li ħadu flus biex għamlu xogħol ta’ “by-passing” tad-dawl lil diversi residenti għad-dannu tal-Enemalta.

Marvin Cucciardi, ta’ 37 sena miż-Żurrieq, Lewis Sant, ta’ 54 sena minn Ħad-Dingli, u Abraham Muscat, ta’ 54 sena minn Ħaż-Żabbar, wieġbu mhux ħatja li bħala uffiċjali pubbliċi rċevew flus jew rigali u għamlu użu ħażin mill-flejjes tal-Gvern taħt il-libsa tal-kariga tagħhom.

Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispetturi Daniel Zammit u Roderick Zammit, qalet li t-tliet ħaddiema tal-Enemalta għandhom kariga li jsewwu ħsarat li jista’ jkun hemm fil-Korporazzjoni. Li bdew jagħmlu kien li jgħaddu fergħa diretta għal residenzi biex dawn jieħdu d-dawl b’xejn. F’ħafna mill-każijiet, il-meter jew smart meter ikun imqabbad għal xi appliances filwaqt li fergħa oħra tkun imqabbda diretta u għalhekk dan ma jimmarkax li qed jinħela d-dawl.

Kien Cucciardi biss li ngħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €10,000, għax ikkopera mal-Pulizija. Għalih deher l-Avukat Arthur Azzopardi.

Sant u Muscat inżammu arrestati minħabba biża’ li jiġu kkontaminati l-provi u li jiġi mhedded xhud partikolari. Għal Sant deher l-Avukat Carlos Bugeja filwaqt li għal Muscat deheru l-Avukat Michael Sciriha u Lucio Sciriha.
Huma ġew mixlija wkoll li għamlu ħsara fil-meter jew fis-siġilli tiegħu u li serqu l-elettriku. Ġew mixlija wkoll li heddew lil ċertu Najeh Khalifa. Il-Qorti laqgħet it-talba tal-Prosekuzzjoni li jiġu ffriżati l-assi tal-akkużati.

Il-każ kien identifikat wara stħarriġ mit-tim ta’ ħaddiema tal-Enemalta li qed jistinkaw biex inaqqsu s-serq tal-elettriku. Id-dettalji ta’ dan il-każ għaddew mill-ewwel għand il-Pulizija, li nvestigaw lit-tliet ħaddiema allegatament involuti.

L-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Angie Muscat deheru bħala parti ċivili f’isem l-Enemalta.