F’pajjiż bħal tagħna, b’ekonomija stabbli, m’għandux ikun hawn 40,000 persuna foqra (‘severely materially deprived’). Wisq 40,000. Wisq. Irridu naraw x’se nagħmlu.
Dan il-kliem qalu Monsinjur Victor Grech, fil-preżenza tal-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca u diversi mistednin oħra, fil-Palazz tal-President, il-Belt Valletta, waqt it-tnedija tal-ktieb bijografiku ‘Mons. Victor Grech: Bejn Storja u Miti’ – pubblikazzjoni ta’ Horizons u editjat minn Sergio Grech.
F’diskors qasir imma mqanqal, Monsinjur Grech, li kien Direttur ta’ Caritas Malta għal 33 sena sħaħ, qal li f’dawn id-59 sena ta’ saċerdozju, hu emmen bis-sħiħ fid-dinjità ta’ kull persuna umana u resaq lejn in-nies.
Qal li għaraf li l-Maltin u l-Għawdxin joħolmu u jixtiequ li ma jkollniex nazzjon maqsum, jiġifieri li jkun hawn aktar imħabba u armonija billi nirrispettaw id-diversitajiet ta’ bejnietna billi naħdmu flimkien u mhux nibżgħu minn xulxin. Billi nnaqqsu l-inugwaljanzi kbar soċjali bejn il-klassijiet.
Meta rrefera għaż-żgħażagħ, li Monsinjur Grech tant ħadem fosthom u għalihom, qal li mhumiex ftit iż-żgħażagħ li sfortunatament tilfu l-fiduċja f’Alla, fl-istituzzjonijiet u fihom infushom. Hu awgura li tittieħed azzjoni konkreta biex dawn ma jibqgħux jinqerdu taħt għajnejna bl-abbuż tal-alkoħol, tad-droga u l-promiskwità.
Monsinjur Victor Grech qal li t-tajjeb li għandna bħala poplu jegħleb bil-bosta l-ħażin, iżda rridu nibżgħu għat-tajjeb li għandna u nkabbruh.
Fi tmiem id-diskors tiegħu, Mons. Grech, li baqa’ magħruf ma’ bosta bħala Dun Victor, qal li huwa dejjem kien kburi li hu Malti u Ewropew. “U hekk nixtieq nibqa’,” sostna.
Aktar qabel f’din l-okkażjoni saru diskorsi minn Sergio Grech bħala editur tal-ktieb, mill-Prof. Oliver Friggieri, minn Dr Andrew Azzopardi u minn Monsinjur Lawrence Gatt.
Is-serata għalqet b’diskors qasir mill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca li faħħret il-ħidma ma taqta’ xejn ta’ Monsinjur Victor Grech favur persuni fil-bżonn, partikolarment żgħażagħ maħkuma mill-vizzju tad-droga. Hi rreferiet għan-numru ta’ foqra f’pajjiżna bħala ‘tal-mistħija’ u għal tliet darbiet irrepetiet il-kelma ‘shame’.
//= $special ?>