Il-kampanja SHout, dalgħodu laqgħet id-dikjarazzjoni ffirmata minn 12-il espert legali li tispjega li m’hemmx bażi legali għat-twissija mill-kaċċaturi li se jkun hemm persuni b’delizzji oħrajn u li ‘l quddiem jistgħu jiffaċċjaw Referendum biex jitneħħa d-delizzju tagħhom.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, li għaliha kien hemm preżenti wkoll l-Imħallef Emeritus Giovanni Bonello kif ukoll l-Avukati Mark Bencini, Andrew Borg Cardona u Reuben Balzan, ġie spjegat li fil-każ ta’ delizzji oħrajn bħal-logħob tan-nar, l-għaqdiet tal-banda, il-klabbs tas-sajd u t-tlielaq tal-ħamiem u ż-żwiemel, il-leġislazzjoni tirregola l-attività. Għaldaqstant, kull Referendum li jista’ jsir fuqhom jagħmilha aktar faċli biex dawn jiġu prattikati.
L-esperti legali spjegaw li filwaqt li fir-Referendum dwar il-Kaċċa fir-Rebbiegħa se ssir il-mistoqsija dwar jekk wieħed jaqbilx li għandhom jibqgħu fis-seħħ il-proviżjonijiet li jippermettu li tiġi applikata Deroga favur Kaċċa fir-Rebbiegħa f’Malta, fil-każ ta’ delizzji oħrajn hemm aspett legali differenti.
Dan għaliex, filwaqt li f’passatempi bħal tfaddil tal-bolol u xi attivitajiet fiżiċi m’hemm l-ebda regolamenti, u għalhekk ma jistax isir Referendum Abbrogattiv biex ma jibqgħux jiġu pprattikati fil-każ ta’ attivitajiet regolati li jeħtiegu Liċenzja, bħal-logħob tan-nar, it-tlielaq taż-żwiemel, l-attivitajiet bil-karrozzi u s-sajd kummerċjali, it-tneħħija ta’ dawn ir-regolamenti b’Referendum tfisser li min għandu dan id-delizzju jgawdi aktar spazju u benefiċċji u mhux anqas.
L-esperti legali spjegaw li fil-każ tal-Każini tal-Baned, japplika d-dritt Kostituzzjonali tal-libertà ta’ għaqda jew assoċjazzjoni, bil-Liġi tistipula li Referendum Abbrogattiv ma jistax jiġi applikat għall-Kostituzzjoni ta’ Malta.
//= $special ?>