Internazzjonali

Battaljun ta’ terroristi li jitkellmu esklussivament bl-Ingliż

Il-grupp Stat Iżlamiku (ISIS) waqqaf battaljun ġdid ta’ terroristi li hu magħmul, kollu kemm hu, minn fanatiċi li l-lingwa naturali tagħhom hu l-Ingliż u li huma ‘iffissati’ biex iwettqu l-attakki kontra l-Punent.

Il-Battaljun ‘Anwar al-Awlaki’ twaqqaf biex jixpruna l-attakki ‘il hinn mis-Sirja u l-Iraq (fejn l-ISIS qed jokkupa l-artijiet speċifiċi). Fl-istess ħin, l-ISIS qed jaħdem fuq strateġija biex jibgħat il-ġellieda tiegħu ‘barra’ u ladarba jkunu ngħataw taħriġ sod fit-terroriżmu.

L-informazzjoni dwar dan il-grupp ta’ terroristi ingħatat minn sorsi li infiltraw l-inħawi ta’ Raqqa, fis-Sirja, li hi l-fortizza ewlenija tal-ISIS. Is-sorsi kkonfermaw li l-militanti mal-‘Anwar’ huma kolla rekluti li jitkellmu bl-Ingliż u li se jaħdmu fuq id-direttivi biex jiżirgħu l-kaos fil-pajjiżi tal-Punent.

Wieħed mit-terroristi reklutati kien ikkwotat fis-sens li ‘sa fl-aħħar jista’ jagħti sehmu f’azzjoni armata (terroristika) f’pajjiżu, filwaqt li jgħin jixpruna l-jihad fl-Ewropa’.

Dan il-battaljun partikolari jinkwadra fit-theddida tal-ISIS biex ‘iwassal il-gwerra qaddisa sal-qalba tal-Ewropa’ wara li l-alleanza militari taħt tmexxija Amerikana bdiet tibbumbardja z-zoni tat-terroristi fl-Iraq u s-Sirja.