Is-seed nru 1 Novak Djokovic u ċ-Champion Stan Wawrinka, se jkunu qed jerġgħu jiltaqgħu f’Melbourne Park wara rebħiet impressjonanti fil-kwarti tal-finali, waqt li Serena Williams, għalkemm kienet marida għamlet pass ieħor lejn ir-rebħ tad-19-il titlu Grand Slam.
L-Americana madankollu, se jkollha tissupera lill-konnazzjonal Madison Keys ta’ 19-il sena, li temmet il-ħolma ta’ oħt Serena, Venus, minkejja li kienet qed tbati minn injury fil-movimenti tagħha.
Waqt li ħafna ndikaw qabel it-turnament li din is-sena tista’ tkun dik tal-ġenerazzjoni l-ġdida, Djokovic u Wawrinka ġabu fix-xejn l-aħħar tamiet tal-ġenerazzjoni l-ġdida fost l-irġiel.
Djokovic, li qed ifittex li jsir it-tieni plejer li jirbaħ l-Open tal-Awstralja għall-ħames darba, għeleb lill-Kanadiż Milos Raonic 7-6, 6-4, 6-2 fl-aħħar logħba fir-Rod Laver Arena, sigħat wara li Wawrinka kien għeleb faċilment lis-seed nru 5 Kei Nishikori 6-3, 6-4, 7-6.
“M’hemmx dubju li qed nistenna maratona bħall-aħħar snin. Ninsab ċert li t-tnejn li aħna se nagħtu l-aħjar tagħna,” qal Djokovic wara r-rebħa. “Dejjem nitolbu l-aħjar minn xulxin”
Se tkun it-tielet sena konsekuttiva li Djokovic u Wawrinka se jkunu ltaqgħu fl-Open tal-Awstralja u l-plejer li rebaħ dan il-konfront dejjem spiċċa rebaħ it-titlu.
Bħala Champion renjanti fl-2013, Djokovic kien rebaħ 12-10 fil-ħames set fil-konfront tagħhom mir-raba’ round.
Is-sena l-oħra Wawrinka rebaħ il-ħames set 9-7 fil-kwarti tal-finali u ndika lill-partitarji li l-Ġimgħa għandhom jistennew konfront ieħor missielet.
“Taf li meta tilgħab ma’ Novak, speċjalment fis-semifinali ta’ grand slam, trid turi l-aqwa tiegħek. Trid turi l-massimu jekk trid tisfidah. S’issa qed nilgħab tajjeb u ninsab fiduċjuż.”
//= $special ?>

