Lokali

Ebda konferma dwar min kien wara l-attakk terroristiku fi Tripli

Il-Gvern Libjan ta’ Tripli jikkundanna l-attakk terroristiku li sar ilbieraħ fil-Lukanda Corinthia fi Tripli għalkemm għadu mhux f’pożizzjoni li jikkonferma l-mottiv warajh u jekk dan fil-fatt sarx minn terroristi leali lejn l-eks reġim ta’ Gaddafi, terroristi tal-ISIS jew attivitsti li jappoġġjaw lill-Gvern Libjan ta’ Tobruk.

F’konferenza tal-aħbarijiet fl-Ambaxxata Libjana f’Ħal Balzan, ix-Chargé d’Affairs f’isem il-Gvern Libjan ta’ Tripli għal Malta Hussin Mistrai qal li l-Gvern ta’ Tripli jesprimi solidarjetà mal-vittmi li mietu fl-attakk treroristiku. Sostna li dan kien attakk kontra l-Prim Ministru Libjan Omar al-Hassi, li dak il-ħin kien fil-lukanda jiltaqa’ ma’ delegazzjonijiet barranin li ma kienux identifkati. Dan kien ukoll attakk kontra l-Gvern Libjan ta’ Salvazzjoni Nazzjonali, sostna Misrati.

Ix-Chargé d’Affairs Misrati sostna li dan l-attakk juri kemm il-Gvern Libjan ta’ Salvazzjoni Nazzjonali mhux marbut ma xi fazzjonijiet terroristiċi. Sostna li dan l-attakk jista’ jxekkel id-diskussjonijiet ta’ ftehim bejn il-Gvern Libjan ta’ Tobruk u dak ta’ Tripli. Filwaqt li sostna li dan qatt ma kien attakk kontra l-interessi Maltin fil-Libja, Misrati sostna li fil-Libja fadal Libjani li għadhom jappoġġjaw lil Gaddafi u li għandhom interess ixerrdu l-biża’. Qal li dan l-attakk kien risposta ċara lid-dinja li l-Gvern Libjan ta’ Tripli ma jappoġġjax it-terroriżmu internazzjonali.

Hussin Misrati reġa’ appella lill-Gvern Malti biex jiddiskuti mal-Gvern Libjna ta’ Tripli u ma jibqax jirrikonoxxi biss lill-Gvern ta’ Tobruk. Ix-Chargé d’Affairs sostna li Malta tista’ sservi bħala l-post fejn iż-żewġ gvernijiet Libjani jiltaqgħu. Dwar il-persuna maqbuda u suspettat bħala terrorist fl-attakk fi Tripli, Misrati qal li dan qed ikun investigat u interrogat mill-awtoritajiet Libjani, iżda s’issa mhemmx konfermi dwar kif oriġina l-attakk.