Lokali

Flok bl-uniformi, l-istudenti jmorru l-iskola bil-piġama b’risq Puttinu

L-iskola primarja tar-Rabat Għawdex fi ħdan il-Kulleġġ ta’ Għawdex, magħrufa bħala l-Happy School, illum organizzat Pyjama Day, fejn it-tfal kienu mħeġġa jmorru l-iskola bil-piġama.

Kienet ix-xewqa tal-amministrazzjoni tal-iskola li din l-attivita’ tintrabat ma’ Puttinu Cares u kull min jilbes il-piġama għall-iskola jagħti donazzjoni ta’ Ewro jew aktar b’risq din l-għaqda. Il-ħsieb kien li t-tfal imorru l-iskola bil-piġama biex jiftakru u juru solidarjeta’ ma’ dawk it-tfal li jkollhom joqogħdu bil-piġama matul il-ġurnata għax ikunu l-isptar għall-kura.

Hekk kif filgħodu t-tfal inġabru l-iskola, saret morning assembly speċjali fejn l-istudenti tal-iskola ġew imfakkra l-għan tal-ġurnata. Tfal mill-ħames u s-sitt sena animaw l-assembly permezz tal-kant u ż-żfin.

L-idea tal-Piġama Day nibtet wara li s-sena l-oħra l-amministrazzjoni tal-iskola ġiet mitluba titlob għal tifel Għawdxi li kellu bżonn il-kura u li ingħata l-għajnuna minn Puttinu Cares. L-istess tifel kien preżenti l-iskola tar-Rabat matul il-ġurnata u kien hemm ħin fejn it-tfal tal-iskola setgħu jiltaqgħu miegħu u jkellmuh.