L-awtoritajiet fil-Ġordan qed jgħidu li huma jinsabu lesti biex jgħaddu mara Iraqina li qed tiskonta sentenza għall-mewt, lill-ISIS, bi skambju għal bdot mill-Ġordan li jinsab miżmum mill-militanti estremisti.
L-offerta saret qabel ma skadew 24 siegħa mill-ISIS biex joqtol lil Moaz al-Kasasbeh u lill-ostaġġ Ġappuniż Kenji Goto.
L-ultimatum ingħata wara filmat li xxandar nhar it-Tlieta, jiem wara li l-ISIS qatel raġel Ġappuniż, Haruna Yukawa. L-ISIS kien talab rahan ta’ $200 miljun.
Sajida al-Rishawi hi militanta ta’ al-Qaeda, li qed tistenna biex tinqatel f’ħabs fil-Ġordan. Hi nżammet il-ħabs minħabba l-involviment tagħha fl-attakk fl-2005 li qatel 60 persuna.
“Il-Ġordan hu lest li jeħles lill-priġuniera Sajida al-Rishawi jekk il-bdot tal-Ġordan, il-Logutenent Moaz al-Kasasbeh jinħeles,” qal Mohammad al-Momano, kelliem għall-Gvern tal-Ġordan. Iżda ma ssemmiex l-isem ta’ Kenji Goto.
Il-Prim Ministru Ġappuniż Shinzo Abe ddeskriva l-filmat il-ġdid tal-ISIS bħala “orribbli” u stqarr li l-Ġappun qed jaħdem mal-Ġordan biex jassigura l-ħelsien ta’ Goto.
Fil-filmat, vuċi li x’aktarx hi ta’ Goto tgħid li hu “għandu biss 24 siegħa ċans biex jibqa’ ħaj.”
Il-Ġordan lest għal skambju mal-ISIS
